Omm ta’ tarbija ta’ xahar ġiet akkużata li l-Ħadd li għadda, ippruvat toqtol lis-sieħeb tagħha bil-Mercedes tiegħu f’Ħaż-Żabbar.
Il-mara ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ, qed taffaċċja wkoll akkużi oħra ta’ vjolenza domestika.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, il-mara ġie akkużata b’attentat ta’ qtil, b’theddid, bi provokazzjoni u li kienet qed issuq karozza li fiha kien hemm it-tfal mingħajr ċinturin tas-sigurtà.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, imma l-prosekuzzjoni spjegat li għadu kmieni wisq biex jiġi kkunsidrat il-ħelsien u jekk dan jingħata, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu adegwati.
Il-vittma nforma lill-Qorti li l-akkużata tista’ tibqa’ toqgħod fid-dar matrimonjali u jkun hu li jfittex akkomodazzjoni alternattiva.
Il-Maġistrat tat il-libertà kkundizzjonata lill-mara u għamlitilha ċara li ma tistax tkellem lis-sieħeb tagħha jekk mhux fil-preżenza t’avukat.
L-imputata ġiet ordnata tiffirma f’għassa darba f’ġimgħa u ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħamest elef ewro u garanzija personali ta’ ħmistax-il elf ewro.
L-ismijiet taż-żewġ partijiet ma ssemmewx fuq ordni tal-Qorti fl-aħjar interess tat-tfal.