“Kieku ma kienx għall-għajnuna tal-Gvern matul il-pandemija kieku diversi nies kienu jispiċċaw bla xogħol u dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.”
Saħqet dan l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Sidien tal-Lukandi u tar-Ristoranti, l-MHRA f’laqgħa mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, Daniel Micallef fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li kieku ma kinitx l-għajnuna tal-wage supplement ir-repurkussjonijiet kienu jkunu ferm agħar.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Mexxej Daniel Micallef innota kif minkejja dawn l-isfidi il-ġid nazzjonali matul is-sena li għaddiet xorta waħda kien jiżboq dak tal-elfejn u dsatax, jiġifieri s-sena ta’ qabel il-pandemija.
L-MHRA laqgħet ukoll il-proposti tal-Partit Laburista fis-settur turistiku filwaqt li għamlet xi proposti oħra.
Fost is-sitta u tletin proposta intiżi biex isaħħu s-settur turistiku hemm it-tnaqqis fit-taxxa ekwivalenti għal 30% tal-ispejjeż sabiex il-Lukandiera jagħmlu investiment ġdid jew rinovar f’lukandi.
Jakkumpanjaw lid-Deputat Mexxej f’din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kandidata Laburista Fiona Borg Lewis.
F’laqgħa separata mal-Kunsill tas-Sigurtà fit-toroq, id-Deputat Mexxej Daniel Micallef sema’ x’hemm bżonn isir sabiex jonqsu l-inċidenti fit-toroq f’pajjiżna.
Min-naħa tagħhom ir-rappreżentanti tal-Kunsill innutaw kif għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-Kunsill fl-aħħar budget il-Gvern alloka l-flus sabiex ikun jista’ jitħaddem dan il-kunsill.
Jakkumpanjaw lid-Deputat Mexxej, kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Kandidat Laburista Chris Grima.
Intant, il-Partit Laburista kellhu wkoll laqgħa ma’ diversi għaqdiet ambjentali fejn ġew diskussi l-proposti tal-Partit Laburista f’dan il-qasam.
Min-naħa tagħhom dawn l-għaqdiet ukoll għamlu diversi proposti l-aktar fejn jidħol ix-xagħri f’pajjiżna.
Takkumpanja lid-Deputat Mexxej kien hemm il-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard.