Wara ġimgħat ta’ xniegħat u allura ġimgħat ta’ stennija, issa uffiċjali li Emma Muscat ser tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest ta’ Mejju li ġej f’Turin b’kanzunetta ġdida u differenti minn dik li rebħet biha fi Frar li għadda fl-MFCC f’Ta Qali.
‘I am who I am‘ hija l-kanzunetta li Emma Muscat f’isem Malta ser tieħu sehem biha fil-festival ta’ xahrejn oħra. Lokalment u anke onlajn, kif ukoll fost l-ammiraturi tal-Eurovision kien hemm reazzjonijiet differenti għall-kanzunetta l-ġdida ta’ Emma. Ħafna sostnew li din il-kanzunetta hija potenzjalment aħjar għall-Eurovision Song Contest. Oħrajn li għalkemm qalu li din il-kanzunetta hija aħjar, xorta sostnew li mhux daqstant b’saħħitha biex tagħmel ħoss fl-istess festival.
F’intervista li Emma Muscat tat lill-istazzjon nazzjonali saħqet li hi u t-tim tagħha semmgħu lin-nies u ħassew li jkun għaqli li jbidlu l-kanzunetta biex Malta jkollha ċans aħjar fil-Eurovision Song Contest. Skont id-djar tal-imħatri, il-kanzunetta ‘I am who I am‘ s’issa ma ħalliet l-ebda riżultat aħjar minn ‘Out of Sight‘. Il-favoriti li jirbħu l-Eurovision s’issa huma l-Ukrajna u warajhom it-Taljani. Intant, f’inqas minn 24 siegħa l-vidjo mużikali tal-kanzunetta Maltija rawh ‘il fuq minn 80,000 fuq il-pjattaforma uffiċjali tal-Eurovision Song Contest fuq youtube.
Segwi hawn il-vidjo mużikali ta’ Malta: