Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li l-għażla tas-26 ta’ Marzu hija għażla bejn il-passat u l-futur. Għażla bejn min hu diżorganizzat u min hu ppreparat.
Waqt ir-Rally Team Malta tal-Partit Laburista fil-Fosos tal-Floriana, Dr Abela rrimarka li d-differenza kbira bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hi riflessa fil-manifesti elettorali li poġġew quddiem il-poplu Malti u Għawdxi għall-ġudizzju tagħhom.
Il-Prim Ministru stqarr, “Il-futur – fil-verżjoni waħda u b’saħħitha li ressaqna ’l quddiem aħna, b’elf proposta – costed, ċari, u responsabbli. U l-passat – fil-madwar ħames verżjonijiet li ressaq il-Partit Nazzjonalista.”
Kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista jitfa’ l-piż fuq iż-żgħir. Dan fost oħrajn bi proposti bħal dik tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li se tħalli lill-10,000 familja bla saqaf fuq rashom.
B’differenza l-Mexxej Laburista sostna kif il-manifest elettorali tal-Partit Laburista jassigura aktar roħs fit-taxxi, żidiet fil-pensjonijiet u proġetti ambjentali.
Dr Abela rrimarka, “Ftit passi bogħod minn hawn se nagħmlu wieħed mill-aktar proġetti għall-qalbi. It-trasformazzjoni ta’ Triq Sant Anna. Ħaddieħor din it-triq se jiddedikaha għall-bendy buses li jrid jerġa’ jġib taħt isem ġdid. Aħna se nagħmluha ġnien u spazju miftuħ għalikom.”
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll is-suċċessi ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin fosthom bit-tmexxija tal-pajjiż waqt pandemija.
Għalhekk il-Prim Ministru tenna li l-għażla tas-26 ta’ Marzu hija għażla favur poplu wieħed u magħqud.
Robert Abela tenna, “Din m’hijiex għażla dwar liema partitarji se jiċċelebraw l-għada tal-elezzjoni. Iżda, hija għażla dwar x’tip ta’ soċjetà rridu. Biex mis-26 ta’ Marzu ’l quddiem l-poplu kollu jiċċelebra u jiggwadanja mis-suċċessi li jikseb pajjiżna.”