F’Ħad-Dingli tħabbar li se tkun qed tinbena residenza sabiex jiġu akkomodati erba’ residenti b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra, is-sitwazzjoni tagħhom ma tippermettix li jgħixu mal-familja tagħhom. Dan il-proġett se jiswa nofs miljun ewro.
Dan huwa parti mill-proġett ta’ Soċjetà Ġusta, u l-bini se jkun qed jirrispetta id-disinn ta’ binjiet oħra f’Ħad-Dingli.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli stqarret kif permezz ta’ dan il-proġett, Gvern Laburista se jkun qiegħed iżomm kelmtu mal-poplu.
Hi rrimarkat, “Hija wegħda ukoll li għamilna fil-budget u anke fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Irridu naraw li persuni b’diżabilità jkollhom ħajja indipendenti fil-qalba tal-komunità meta ma jkollomx familja li tkun tista tieħu ħsiebhom.”
Intant, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri stqarr kif dan il-proġett, u diversi proġetti oħra li huma mmirati sabiex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu, ma setgħux isiru mingħajr l-ekonomija b’saħħitha li għandha Malta.
Huwa stqarr kif dan il-proġett huwa xempju ta’ ekonomija fejn il-ġid jasal għand kulħadd.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Din hija meta ngħidu għal ekonomija ta’ ġid għal kulħadd, li minkejja l-pandemija, minkejja li ħaditilna ħafna xogħol, xorta bqajna nsibu li naraw li l-Gvern ikun sensittiv anke għall-bżonnijiet ta’ forsi, ftit nies li għalihom tagħmel differenza. Hawnhekk b’dan il-proġett ta’ nofs miljun ewro se nkunu qed naraw li nagħtu servizz lil dawn il-persuni b’diżabilità.”