Fl-aħħar ġurnata tat-tieni rawnd tal-Kampjonat Premier Hibernians ir-ritornaw fil-quċċata tal-klassifika meta fil-partita tal-ġimgħa huma għelbu b’mod konvinċenti lill-Floriana FC bl-skor ta’ 4 – 1.
Hibernians iddominaw prattikament il-partita partikolarment l-ewwel taqsima hekk kif irnexxilhom jiskurjaw tlett gowls fl-ewwel 45 minuta.
Fis-16-il minuta Hibernians fetħu l-iskor meta Jake Grech pprovda l-assist lil JURGEN DEGABRIELE li avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u fl-24 minuta rduppjaw l-iskor meta Jake Grech indirizza cross għan-nofs li sab lil DUNSTAN VELLA li minn pożizzjoni ideali, mattar siequ, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Kompla l-bidu inkredibbli minn naħa tal-Pawlisti fejn tliet minuti biss wara, saħansitra skorjaw it-tielet goal meta Thaylor Aldama kellu l-konklużjoni tiegħu tistampa ma’ sieq il-wieqfa, biex daħal tajjeb JURGEN DEGABRIELE li antiċipa lid-difensur tal-Greens Oualid El HAsni li naqas milli jikklerja u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fis-56 minuta għamluhom erbgħa meta Ali Diakite kellu xutt erratiku li ntemm għand JAKE GRECH li nżamm f’pożizzjoni regolari minn Christian Rutjens u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Il-Greens naqqsu l-marġni tal-iskor fil-85 minuta meta Jose Ulis Arias xeħet cross għan-nofs li sab lil CHRISTIAN RUTJENS li antiċipa lil Andrei Agius u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Ritratt: Hibernians FC