Bħalissa f’pajjiżna qed tinġibed produzzjoni Ingliża bl-isem ta’ “Deep Fear”, li se tħalli fl-ekonomija Maltija xejn inqas minn erba’ miljun ewro.
Il-maġġoranza tax-xeni f’dan il-film qed jinħadmu fit-tankijiet tal-Malta Film Studios fil-Kalkara, iżda xeni oħra qed jinġibdu fil-marina tal-Kalkara, f’Marsaxlokk, f’Delimara u fil-Blue Lagoon f’Kemmuna.
Il-midja Maltija kienet mistiedni għal żjara esklussiva fuq is-sett fil-Malta Film Studios fil-Kalkara.
Hemmhekk, il-produttur Sean O’Kelly qalilna li fil-film, Malta se tkun qed tilbes il-libsa tal-Gżejjer fil-Karibew, u Malta kienet l-għażla perfetta għall-ġbid tal-film fl-Ewropa.
Qal, “I absolutely adore Malta. We looked at many locations around the world and we decided on Malta because of the fantastic locations and in our film we are imitating The Caribbean so we thought Malta was the perfect fit for us here in Europe. The crew, the facilities, the talent on the island has been absolutely fantastic and we’ll definitely film here again.”
Iż-żewġ atturi prinċipali, li wiċċhom mhux ġdid fix-xena tal-films speċjalment magħna l-Maltin, huma Mãdãlina Ghenea magħrufa l-aktar għall-irwol li kellha fil-film House of Gucci, u Ed Westwick, magħruf bħala Chuck Bass fis-serje televiżiva popolari Gossip Girl.
O’Kelly qalilna li dawn jinsabu sodisfatti ferm bl-għażla ta’ Malta u qed jieħdu pjaċir f’pajjiżna. Fuq il-midja soċjali, Westwick qal li jinsab f’dik li ddeskriva bħala l-“gżira sabiħa ta’ Malta” għall-ġbir ta’ Deep Fear.
Qal, “We’ve had no complaints from the actors, they seem to be having a great time here and like I said, because of the talents and crew and the infrastructure, everything is fantastic.”
Fuq dan il-film qed jaħdmu mija u tnejn u għoxrin, li disgħin minnhom huma Maltin.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech spjega li din hija produzzjoni oħra li qed toħloq opportunitajiet anki għall-Maltin.
Qal, “Qed naraw l-industrija tal-films li qed tkompli tkun ta’ suċċess f’pajjiżna. Industrija tal-films li qed tkompli tikber kuljum u qed naraw aktar nies jingħaqdu magħna, qed noħolqu aktar xogħol għall-crew tagħna. Din il-produzzjoni hija Ingliża b’budget ta’ erba’ miljuni fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Il-ġbid ta’ dan il-film f’Malta mistenni jieħu bejn ħames u sitt ġimgħat, u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fisser kif dan jagħti reklam tajjeb għal Malta.
Qal, “Industrija li qed naraw kif tkun aktar sostenibbli maż-żmien u kapaċi nkomplu nattiraw iżjed investiment lejn pajjiżna filwaqt li nagħtu l-aqwa opportunitajiet lil dawk kollha nvoluti f’din l-industrija, anki fuq livell lokali.”
Il-film “Deep Fear” mistenni joħroġ lejn l-aħħar ta’ din is-sena.