Il-flotta ta’ vetturi ta’ San Vinċenz de Paul se tinbidel għal waħda elettrika.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie inawgurat proġett b’investiment ta’ tliet kwarti ta’ miljun ewro.
Il-proġett jinkludi uffiċini, żewġ garaxxijiet u mħażen fost oħrajn fuq medda ta’ 900 metru kwadru.
Il-Ministru Farrugia qal li fis-sena jsiru aktar minn 12-il elf vjaġġ, u fl-aħħar sena it-taqsima tat-trasport rat żieda fid-domanda għat-trasport, dan minħabba ż-żieda fin-numru ta’ residenti u fl-attivitajiet organizzati għall-anzjani.
Il-Ministru żied jgħid li l-flotta l-ġdida se tirrispetta l-politika tal-Gvern li jippromwovi vetturi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.
Fil-jiem li għaddew, ġie ippubblikat tender li jinkludi x-xiri ta’ tliet karozzi u żewġ vannijiet tal-passiġġieri bl-ammont totali ta’ €190,000. Dawn se jkunu qed jissostitwixxu l-flotta ta’ San Vinċenz de Paul.
Intqal ukoll li hemm madwar 18-il uffiċjali liċenzjati biex isuqu vannijiet speċjalizzati bit-tail lifter sabiex jagħtu servizz lill-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti.
Is-sewwieqa huma mħarrġin ukoll biex jassiguraw is-sigurtà tal-pazjenti li jkunu qed iġorru matul il-vjaġġ.