Tim magħqud li joffri ċertezza u stabilità f’mument fejn madwar id-dinja qed tirrenja l-inċertezza u l-instabilità.
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, ippreżenta t-tim ta’ disgħa u sittin kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej.
Bil-kandidati kollha warajh, il-Prim Ministru ddeskriva lin-nies li qed jirrappreżentaw lill-Partit Laburista tul din il-kampanja elettorali bħala persuni ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja li qed jingħaqdu flimkien għal għan wieħed.
“L-elettorat għandu għażla ċara ħafna. Il-passat jew il-futur. Dak li qed noffru aħna fil-manifest elettorali huwa mibni fuq il-bżonn li ntejbu l-kwalità tal-ħajja. Elf proposta għal futur isbaħ. Inkella l-passat, bl-istess ta’ qabel l-elfejn u tlettax. Dawk li poġġew lill-Kap tal-Oppożizzjoni bħala l-wiċċ tagħhom, għadhom jiddettaw sal-lum l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Nofs il-kandidati tal-Partit Laburista qed jikkontestaw għall-ewwel darba u ġejjin minn oqsma varji, bħal dawk professjonali, sportivi, volontarjat, saħħa u edukazzjoni.
Tlieta u għoxrin fil-mija tal-kandidati għandhom inqas minn ħamsa u tletin sena. Tlieta u għoxrin fil-mija wkoll huma nisa.
“Irridu naspiraw għal aktar kandidati nisa f’elezzjoni ġenerali. Iż-żewġ partiti għandhom l-istess persentaġġ ta’ kandidati femminili u dan hu konferma ta’ kemm huma importanti r-riformi fuq l-ugwaljanza li se jibdew jaħdmu minn din l-elezzjoni ġenerali.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista għandu tim kompetenti u kredibbli li jinsab lest biex bil-fiduċja tal-poplu, iwettaq pjan ambizzjuż ta’ elf proposta li jagħmlu minn Malta pajjiż isbaħ u aħjar.
“B’wiċċi minn quddiem, insostni li qed noffru għażla b’saħħitha lill-poplu Għawdxi u Maltin, kemm f’dak li huma ideat u kif ukoll f’min se jkun qed jimplimenta dawk l-ideat. Id-differenza qed tidher fuq kull livell. Għall-futur isbaħ li se jkun mibni fuq tliet prijoritajiet; Malta isbaħ, kwalità ta’ ħajja aħjar, opportunitajiet għal kulħadd. Dan huwa t-tim li jistħoqqlu l-fiduċja fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu. Malta Flimkien, il-Futur Sabiħ.”
il-Prim Ministru Robert Abela