L-applikazzjonijiet għal Skolasajf ta’ din is-sena se jinfetħu nhar it-23 ta’ Marzu li ġej u jagħlqu fit-2 ta’ Mejju.
Din is-sena Skolasajf se tibda nhar il-11 ta’ Lulju u tibqa’ għaddejja sas-7 ta’ Settembru.
It-tema għal din is-sena hija Earth Hereos, Unite!, b’sejħa ta’ ħidma favur l-ambjent, bil-logo ġie ddisinjat minn studenta ta’ disa’ snin fl-iskola primarja tal-Imsida.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi Michael Bondin qal li s-sena li għaddiet is-servizz kien offrut fi 58 lokalità f’Malta u Għawdex.
34 minn dawn iċ-ċentri jkun ukoll offrut is-servizz estiż qabel u wara l-programm ewlieni, biex jakkomoda lill-ġenituri li jaħdmu.
Skolasajf jingħata wkoll f’ħames Ċentri ta’ Riżorsa, fejn jattendu studenti li jkollhom diżabilità.
“Il-ġenituri jistgħu japplikaw u jagħżlu ċ-ċentru ta’ fejn jixtiequ s-servizz illi jingħata u barra minn hekk, dawk it-tfal illi jattendu fiċ-ċentri ta’ riżorsi li sa issa s-servizz kien offrut fuq tliet ijiem, minn din is-sena s-servizz se jkun offrut fuq ħamest ijiem.”
Is-sena l-oħra applikaw madwar 8,300 student, numru li wera l-fiduċja fis-servizz kif ingħata.
“Mat-8,000 student illi jkunu qed jibbenefikaw minn edukazzjoni, li permezz tagħha naraw illi anke t-tfal tagħna anke fil-ġranet tas-sajf ikollhom perjodu li fih ikunu jistgħu jieħdu edukazzjoni mingħand edukaturi li jkunu qegħdin jagħmlu propju differenza fil-ħajja tagħhom u jilħqu b’mod ħolistiku dak li huma l-iżvilupp sħiħ tal-istudenti tagħna.”
L-applikazzjonijiet għall-istudenti u l-ingaġġ ta’ ħaddiema fi SkolaSajf jistgħu jsiru fuq is-sit fes.gov.mt.