“Mal-Partit Nazzjonalista kollox bit-terms and conditions.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Flimkien hekk kif ġie rrimarkat it-taħwid fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista li ġab miegħu konfużjoni liema bħalha f’ħafna każijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Ian Borg irrimarka numru ta’ wegħdi tal-Partit Nazzjonalista li kollha jinkludu ċertu kriterji fosthom dik li tirrigwarda l-konformità mal-miri ESG. Dawn il-wegħdi b’din il-kriterja jammontaw għal waħda minn kull 15-il wegħda.
Tenna wkoll kif dan japplika għal ħafna mill-miżuri.
Fil-fatt innota kif il-kelma “iżda” fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista din tfeġġ 87 darba. Dan filwaqt li l-kelma “kriterji” tfeġġ 49 darba u l-kelma “konformi” titla’ 41 darba.
B’hekk in-nuqqas ta’ serħan tal-moħħ jekk il-Partit Nazzjonalista jingħata l-fiduċja sabiex imexxi pajjiżna.
“Fl-2017, il-Partit Nazzjonalista għamel koalizzjoni tal-konfuċjoni però 5 snin wara lanqas għandhom bżonn ikunu f’koalizzjoni sabiex jintilfu fl-istess konfużjoni. Il-Partit Nazzjonalista f’din il-kampanja elettorali ħareġ manifest darba darbtejn tlieta u spiċċa kulħadd konfuż.”
Il-Ministru Ian Borg
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rrimarka n-nuqqas ta’ għarfien tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar il-proposti li poġġa ’l quddiem l-istess partit.
Nuqqas ta’ għarfien li deher ċar waqt dibattiti li kellu l-Ministru Caruana ma’ kelliema differenti tal-Partit Nazzjonalista ħlief il-kelliem għall-Finanzi Mario de Marco li mhux jingħata viżibilità mill-istrateġisti ta’ Bernard Grech.
Il-Ministru Caruana spjega wkoll kif ġew injorati dawk li jieħdu l-paga minima iżda mhux biss.
“L-anomalija jew ossia li wieħed jinjora lil dawk kollha li għandhom bżonn il-minimum wage earners, kompletament injorati. Ser inkun qed nispjega wkoll kif hux biss ġew injorati imma saħansitra se jkunu agħar milli se jkunu llum. Imma min naħa l-oħra min jaqla l-aktar f’dan il-pajjiż jiġifieri dawk li għandhom iktar minn €60,000 se jkunu qed jingħataw €2,000 iktar mela dan huwa każ klassiku u ċar ta’ min għandu jingħatalu iktar u min m’għandux jitteħidlu saħansitra l-ftit li għandu. Ċar daqs il-kristall.”
Il-Ministru Clyde Caruana