Il-president ta’ Paris Saint-Germain Nasser Al-Khelaifi u d-direttur tal-istess klabb Leonardo kellhom argument jaħraq mal-uffiċjali tal-loghba tal-erbgħa filgħaxija mill-UEFA Champions League kontra Real Madrid.
L-inċident seħħ fid-dressing rooms fi tmiem il-logħba mirbuħa minn Real Madrid 3-1, bl-ispanjoli jgħaddu ghall-kwartifinali. Rebħa li waslet minn rimonta ta’ Real wara li PSG dehru viċin il-kwalifikazzjoni b’vantaġġ ta’ zewġ goals.
Iżda hat-trick ta’ Benzema dawwar ir-riżultat ta’ taħt fuq.
PSG kienu irrabjati għad-decizjoni tar-referee li ma jikkoncediex foul fuq il-goalkeeper Donnarumma fl-ewwel goal ta’ Benzema.
Hu mifhum li fl-istorbju li qam wara l-loghba, Leonardo saħansitra deher isabbat fuq il-bieb tad-dressing room tal-ufficjali tal-logħba.
Rapporti jgħidu li ittieħdu filmati tal-inċident u li se jintużaw fl-investigazzjoni li fetħet il-UEFA.