Clayton McKay li għandu tmienja u għoxrin sena miż-Żurrieq tressaq il-Qorti wara li l-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi rnexxielha tfixkel pjan ta’ bejgħ ta’ droga nhar it-Tlieta li għadda.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-pulizija rċeviet informazzjoni li fil-Qajjenza kien se jkun hemm pjan ta’ bejgħ ta’ drogi.
Kien hawnhekk li l-pulizija lemħu lil McKay isuq fi Triq San Luċjan fejn ipparkja l-karozza u mexa lejn dar.
Pront il-pulizija avviċinaw lil McKay u arrestaw lilu flimkien mal-persuni li kien hemm fid-dar.
Fil-pussess ta’ McKay instabu tletin gramma ta’ sustanza suspettata eroina.
Fl-awla quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, l-imputat wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ pussess aggravat ta’ eroina, talli kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u talli sar riċediv.