Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili laqa’ fi ħdanu aktar investiment, din id-darba b’disa’ vetturi u dinghy li ser ikunu qed iżidu l-effiċjenza u l-effettività tas-servizz provdut mill-istess dipartiment.
F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat kif erba’ vetturi tas-salvataġġ magħrufa bħala RV4s ser ikunu qed jibdlu erba’ vetturi eżistenti li kienu ilhom jagħmlu parti mid-dipartiment għal kważi kwart ta’ seklu.
Barra minn hekk żdiedu ukoll żewġ vannijiet u tliet SUVs kif ukoll dinghy li ser ikunu qed jagħmlu parti mis-sezzjoni tat-tiftix u salvataġġ urban.
Dan l-investiment jagħmel parti minn investiment akbar li ser jara tibdil tal-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’investiment ta’ miljun u seba’ mitt elf ewro, li parti minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjega kif permezz ta’ dan l-investiment id-Dipartiment ser ikun f’pożizzjoni li saħansitra jista’ joffri servizz ta’ salvataġġ fi Sqallija.
Qal, “Għandek transporters, jiġifieri vannijiet li jġorru n-nies, għandek SUVs illi huma mgħammrin ukoll bl-apparat u għandek dawn li jġorru ‘trailers’ magħhom kif qed naraw għandna ħafna għodda biex jekk ikollna bżonn nagħmlu deployment lejn Sqallija kemm nirmunkaw it-trailer mat-transporter u mal-SUV, jitilgħu n-nies u nkunu nistgħu nagħtu anki servizz lil ġirien tagħna.”
Dan l-investiment jagħmel parti minn proġett Ewropew fejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’pajjiżna qiegħed jikkolabora mal-Protezzjoni Ċivili fi Sqallija biex jaqsmu intelliġenza u għarfien bejn il-partijiet.
Dan ser iwassal biex issir ħidma konġunta bejn dawn id-Dipartimenti fl-eventwalità ta’ diżastri naturali li jistgħu jseħħu bejn Malta u Sqallija fi studju li ħadet sehem fih ukoll l-Università ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi innota kif dan il-proġett ssarraf mhux biss f’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea imma fetaħ orizzonti ġodda biex il-Protezzjoni Ċivili tkompli ttejjeb is-servizz tagħha.
Qal, “Dan narah ukoll bħala opportunità għaliex fetaħ il-possibiltà ta’ kollaborazzjoni mal-Protezzjoni Ċivili ġewwa Sqallija li b’hekk wieħed jista’ jiskambja kemm informazzjoni kemm għarfien kif ukoll anki l-ħtieġa ta’ taħriġ.”
Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri nnota kif dan ikompli jgħaqqad ma’ investiment li diġà sar fir-riżors uman permezz ta’ ftehim kollettiv ftit tax-xhur ilu li ukoll sar minkejja l-pandemija.
Qal, “Il-Protezzjoni Ċivili ma tintgħarafx minn kif kienet sa ftit tas-snin ilu ‘l hawn. Illum biddilna kollox, il-ħaddiema għandhom biex jaħdmu, tajniehom il-kundizzjonijiet u d-drittijiet li jixraqilhom u ukoll huma ħaddiema mħarrġin għaliex għalina verament is-sigurtà ta’ pajjiżna hija importanti ħafna u l-Protezzjoni Ċivili hija parti mportanti minn dik il-kullana li tieħu ħsieb is-sigurtà ta’ pajjiżna.”