F’attività politika fis-Siġġiewi, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef tkellem fit-tul dwar il-viżjoni tal-Partit Laburista fis-settur edukattiv.
Semma l-proposta ta’ inqas homework u saħaq fuq il-bżonn ta’ diskussjoni mhux biss dwar il-homework b’mod iżolat imma fuq it-tfulija tat-tfal tagħna.
Qal li l-fatt li din il-miżura diġà qajmet diskussjoni sħiħa fil-pajjiż turi l-ħtieġa ta’ dibattitu dwar it-trobbija u t-tfulija fid-dinja tal-lum.
Qal, “Irriduha twassal li b’kunsens bejn l-għalliema, il-professjonisti fil-klassi għax huma jafu l-aħjar il-formazzjoni edukattiva għal uliedna iżda anke mal-ġenituri u t-tfal.”
Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ suġġetti oħra lil hinn mil-lingwi u l-Matematika u qal li fil-pjanijiet ta’ Gvern Laburista ġdid hemm it-twaqqif ta’ istitut ġdid għas-snajja’ fl-MCAST.
Qal, “Għalhekk illum nista’ nħabbar li jekk ningħataw il-fiduċja ser inwaqqfu istitut ġdid għas-snajja’ fl-MCAST fejn jiġu kkonsolidati l-affarjiet f’dan is-settur u jiġi offrut taħriġ akkreditat b’kollaborazzjoni mal-industrija u edukaturi mħarrġa u ħaddiema ta’ esperjenza ta’ snajja’ varji.”
Daniel Micallef qal ukoll li wasal iż-żmien għal diskussjoni serja u nazzjonali dwar l-ewtanasja volontarja għal persuni b’mard terminali.
Semma wkoll diversi miżuri studjati li mistennija jitħabbru f’aktar dettall fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fil-ġranet li ġejjin.