Il-ġgant fis-settur tal-farmaċewtika, Torrent Pharma investiet €22 miljun f’pajjiżna sabiex f’qasir żmien se tkun qed tiftaħ faċilità ġdida biex tkun iċ-ċentru Ewropew tal-Loġistika u l-Kontroll tal-Kwalità għall-prodotti farmaċewtiċi li jidħlu fis-swieq regolati.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mat-tmexxija ta’ Torrent Pharma.
Hawnhekk ġie spjegat kif fost oħrajn permezz ta’ dan l-investiment kapitali minn din il-kumpanija se jkunu qed jinħolqu 120 impjieg, bil-faċilità l-ġdida se tkopri 7,400 metru kwadru ta’ art.
Fost affarijiet oħra dan l-investiment se jkun qed jinkludi laboratorju ġdid tal-aħħar teknoloġija.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-investiment li permezz tiegħu anke se jiġu pprovduti esperjenzi ta’ xogħol wara ftehimiet ma’ diversi istituzzjonijiet edukattivi.
Dr Abela fakkar kif din il-kumpanija hija waħda mill-aktar kumpaniji farmaċewtiċi rinomati fis-settur f’diversi pajjiżi u diġà tħaddem mal-elf xjentist.
Il-Prim Ministru sostna wkoll l-importanza ta’ dan l-investiment li jkomplu jagħmel lil Malta pajjiż ħabib tal-investiment u li b’hekk twassal għal aktar tkabbir ekonomiku.
“For me as Prime Minister of this country this fits in the vision that we have for our country’s long term economic vision. Not just jobs for our people but rewarding meaningful careers. Not a short term agreement but a long term relationship. In my eyes this is not just a corporate investiment but a partnership of action and cooperation.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Meta mistoqsi minn ONE News għaliex intgħażlet Malta, Sanjay Gupta, id-Direttur Eżekuttiv tal-Operat internazzjonali ta’ Torrent Pharmaceuticals sostna l-konnettività eċċellenti li għandha Malta mal-bqija tal-Ewropa u l-Mediterran.
Dan filwaqt li tħaddan riżors uman b’saħħtu ħafna.
Huwa faħħar ukoll lill-Gvern Malti u l-Awtoritajiet kollha kkonċernati li ffaċilitaw dan l-investiment biex b’hekk jittellaq dan il-proġett kemm jista’ jkun malajr.
“Believe me we had several options. We chose Malta firstly for the talent of its people. I was very impressed by everybody I met today. The level of expertise, managment and support of Government agencies has just been phenomenal and that is a very good reason to come to Malta for an international company. Secondly in Malta you have fantastic infrastructure. Airports, ports, connectivity with the rest of the European mainland.”
Direttur Eżekuttiv tal-Operat Internazzjonali ta’ Torrent, Sanjay Gupta
Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Dr Miriam Dalli sostniet li s-sena li għaddiet minkejja l-isfidi tal-pandemija, din l-industrija rat tkabbir ta’ 7.3%. Dan filwaqt li kellna rekord ieħor għall-investiment dirett barrani f’pajjiżna, bl-ewwel sitt xhur tas-sena l-investiment jaqbeż l-€4.9 biljun.
Hija rrimarkat ukoll kif is-sena l-oħra, il-Malta Enterprise ħadmet fuq 26 proġett ta’ espansjoni li kollha se jwasslu għal żieda f’aktar impjiegi ta’ kwalità.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri aċċenna għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea fejn ġie sostnut li pajjiżna se jesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku ta’ 6.4% minn madwar l-Ewropa kollha.
Irrimarka kif dan ma wasalx b’kumbinazzjoni iżda frott deċiżjonijiet importanti f’sitwazzjonijiet ta’ sfida.