Il-ftehim ta’ pajjiżna ta’ xiri ta’ gass fis-settur tal-enerġija, dak magħruf bħala hedging qed iwassal għal stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija, differenti għal kumplament tal-Ewropa.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Ministru Ian Borg waqt dibattitu mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus waqt il-programm Realtà fuq ix-xandir nazzjonali.
Waqt dan il-programm, il-Ministru Borg spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim f’temp ta’ jumejn bejn it-Tnejn u t-Tlieta, pajjiżna franka kważi erba’ miljun ewro.
Qal, “Kieku llum ħriġna €1.6 miljun iżjed milli llum l-Enemalta nefqet biex tiġġenera l-elettriku. Għada, għax ir-rati ta’ għada nafuhom, għada t-8 ta’ Marzu f’Jum il-Mara. Għada €2.2 miljun. Jiġifieri f’jumejn €3.7 miljun, f’jumejn biss.”
Hawnhekk il-Ministru Ian Borg fakkar kif pajjiżna għandu stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil mill-Ewropa kollha u saħansitra waqt pandemija, il-prezz tal-petrol u d-diesel naqas bil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ta’ Ġunju 2020.
Qal, “Irridu ngħidu isma’ illi allura pajjiżna, illum għandu l-unika kontijiet li m’għolewx fl-Ewropa, anki bl-isfidi tal-pandemija, ir-riċessjoni ekonomika kawża tal-pandemija, kawża tal-gwerra.”
Waqt il-programm, id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus spiċċa jmeri s-sewwa magħruf dwar il-wegħda dwar il-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin, li permezz tagħha se jħott għal kollox ir-riforma li biha l-Gvern jagħti sussidju għal għomor l-inkwilin.
Qal, “L-ewwelnett din hija ħrafa tal-Partit Laburista. Però hawnhekk miktuba tajjeb.”
Imbagħad Ryan Callus f’dan il-programm kompla ma’ Bernard Grech fejn qal li l-investiment fin-nies waqt pandemija huwa tberbiq.
Qal, “Jiġifieri mhux biss billi nagħtu l-karotta b’xi ftit vouchers ’l hawn u ’l hemm.”