Raġel ta’ seba u tletin sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li seraq flus minn spiżerija f’Ta’ Xbiex u li hedded lill-kaxxiera b’pistola li kienet irriżulta li kienet lighter.
Silvio Camilleri ġie mixli li lura f’Diċembru tal-elfejn u dsatax wettaq serqa mir-Remedies Pharmacy, kif ukoll li l-għada pprova jisraq baskett ta’ mara fil-Gżira.
Fil-Qorti r-raġel ammetta li daħal jisraq mill-ispiżerija iżda ċaħad li kellu arma rregolari fejn qal li hu hedded lill-kaxxiera b’lighter, li kienet tidher qisha pistola.
Filwaqt li ma nstabx ħati li uża arma rregolari waqt is-serqa, huwa nstab ħati għall-akkużi l-oħra, fosthom li ma kienx qed josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest għax ma kienx qed imur jiffirma l-għassa, kif ukoll li huwa riċediv.