Matthew Abela reġa’ għamilha għall-Kampjonati Ewropej ta’ din is-sena! Matthew irritorna minn Entebbe fejn ħa sehem fl-Ugandan International Challenge, bil-għan li jitla’ iktar ‘l fuq fir-rankings dinjija u jersaq eqreb lejn aktar avvenimenti maġġuri kif ukoll l-inklużjoni fil-Kampjonati Ewropej ta’ din is-sena fi Spanja, f’April.
Matthew vvjaġġa lejn l-Uganda xi jiem qabel il-kompetizzjoni biex jagħti lilu nnifsu l-ħin biex jaġġusta għall-post u jkollu ftit sessjonijiet ta’ prattika biex jidra l-ambjent li fih kien se jilgħab l-ewwel logħba tiegħu.
Matthew ikkwalifika fid-draw prinċipali tal-kampjonat u għalhekk seta’ jara lill-avversarju potenzjali tiegħu jilgħab fir-rounds ta’ kwalifikazzjoni. Matthew kellu jilgħab il-player mill-Mauritius Melvin Appiah. Il-malti ħa l-ħin tiegħu fl-ewwel logħba anke biex jidra l-veloċità tax-shuttles iżda mbgħad qabad ritmu tajjeb ħafna hekk kif ħa l-kontroll tal-logħba u eventwalment rebaħ bi straight sets 21-15, 21-16. Din kienet l-ewwel rebħa Internazzjonali ta’ Matthew għal din is-sena u għalhekk bidu tajjeb għall-2022.
Ir-rebħa tefgħatu fl-aħħar 16 u aktar tard fl-għaxija kellu jilgħab kontra l-plejer tal-Belġju Elias Bracke li jinsab madwar 30 pożizzjoni ogħla fir-rankings mondjali. Iż-żewġ plejers kienu jafu lil xulxin pjuttost tajjeb peress li fil-passat qattgħu ħin flimkien jitħarrġu fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Badminton Europe fid-Danimarka. Din l-esperjenza u ftit riċerka ppermettew lil Matthew jiżviluppa pjan tattiku iżda Bracke ħareġ aggressiv ħafna u jattakka mill-bidu tal-logħba u l-pjan ta’ Matthew li jikkontrolla l-logħba difensiva u jistenna l-opportunitajiet kien qed jaħdem. Imma sfortunatament l-attakki bla waqfien ta’ Bracke rebbħuh l-ewwel set 21-15. Matthew iddeċieda li jibdel xi ftit il-pjan tiegħu u jieħu aktar inizjattiva fil-logħba, tattika li għal darb’oħra ħadmet tajjeb ħafna sal-waqfa ta’ nofs il-logħba u kien qed jirbaħ 11-10, imma sfortunatament ftit għażliet żbaljati u nuqqas ta’ preċiżjoni ppermettew lil Bracke biex jieħu vantaġġ fuq dawk il-punti u eventwalment jieħu it-tieni set 21-13.
Għalkemm diżappuntat bir-riżultat Matthew kien kuntent bil-mod kif lagħab u l-pjanijiet tattiċi li għażel. Għandu wkoll l-ewwel rebħa tiegħu għall-bidu tal-2022 kif ukoll xi punti ta’ ranking li issa wassluh għall-aqwa pożizzjoni fil-karriera ta’ 202 fir-rankings tad-dinja, u kkwalifika għall-Kampjonati Ewropej.
Imiss hemm il-kampjonati Nazzjonali ta’ Malta qabel jerġa’ jsiefer barra biex ikompli t-tlugħ tiegħu u jidħol fl-aqwa 200.