Tmien persuni suspettati bl-attakk li sar f’Istanbul qed jinżammu arrestati fit-Turkija. Dawn l-arresti saru hekk kif qed jingħataw l-aħħar tislima l-vittmi ta’ dan l-attakk makabru.
Ħamsa u għoxrin mill-vittmi maqtula kienu ta’ nazzjonalitá barranija.
Minn l-ewwel stħarriġ irriżulta li l-qattiel wasal fuq il-post b’taxi iżda minħabba t-traffiku huwa ddeċieda li jimxi l-aħħar ftit metri.
L-ISIS ħadu responsabbiltá ta’ dan l-attakk terroristiku li seħħ fil-31 ta’ Diċembru. Huma ddeskrivew lill-qattiel bħala suldat eroj wara li qatel 39 persuna u ħalla 69 persuna feruta.
Il-Pulizija qed jinvestigaw jekk l-imfittex għandux konnessjoni mal-qattiel li għamel bomba suwiċida fl-ajruport ta’ Istanbul f’Ġunju.
Hemm ukoll rapporti li t-Turkija rċeviet informazzjoni minn aġenzija tal-intelliġenza fl-Istati Uniti li hemm theddida ta’ attakk f’Istanbul, iżda ma kellhomx dettalji dwar il-post li fih kien se jitwettaq dan l-attakk.
Il-President Tork qal li dawn il-gruppi qed jippruvaw joħolqu konfużjoni, jiddimoralizzaw lil poplu u jiddistabilizzaw il-pajjiż. Il-Partit għall-ħaddiema Kurdi iddistanza ruħu mill-attakk tant li kelliem għall-Partit qal li ma jaslux li joqtlu persuni innoċenti.
Il-Ministru għall-Intern Tork ikkonfermat li għaddejja tfittxijai ntensiva u tittama li l-aggressur jinqabad mill-iktar fis possibli. Fl-istess waqt li t-tfitxxija intensifikat, qed isiru l-preparazzjonijiet għall-ewwel funeral ta’ dawk li tilfu ħajjithom.