Hekk kif fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet intlagħbet il-21 ġurnata tal-Kampjonat Premier, ftit li xejn kellna moviment qawwi li jispikka fil-klassifika tal-Kampjonat Premier Malti.
Fl-ewwel partita tas-sibt Gżira United għelbu lill-Gudja United 2 – 1 biex għamlu ċert li fit-tielet rawnd tal-Kampjonat Premier jilgħabu fic-Championship Pool u b’ċans tajjeb li jisfidaw għal post f’kompetizzjoni Ewropeja. Għal Gudja din kienet it-tieni telfa konsekkutiva u xejn għajr minn rebħa fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja u żelqa għal Sirens ma tikkuntentahom.
Gowl fl-aħħar mumenti tal-partita kontra Balzan kien biżżejjed għal Hibernians sabiex għamlu ċert li jieħdu t-tlett punti wara d-draw ta’ mingħajr gowls fil-ġimgħa ta’ qabel kontra Hamrun Spartans biex b’hekk is-sibt filgħaxija telaw momentarjament fil-quċċata tal-klassifika qabel ma reġaw niżlu fit-tieni post hekk kif Floriana ilbieraħ għelbu lill-Sirens 3 – 0. B’hekk il-konfront ta’ nhar is-sibt li ġej bejn lis-stess Floriana u Hibernians jista jiddetermina minn jispiċċa fl-ewwel post tal-klassifika fit-tmiem it-tieni rawnd.
Valletta FC ġew minn wara meta kontra Mosta FC ħadu punt fid-draw ta’ 2 – 2; punt li ftit jew wisq għamel differenza għaż-żewġ timijiet hekk kif issa jiddependu minn riżultati tat-timijiet l-oħra sabiex jiddeterminaw il-pużizzjoni tagħhom; jew fic-championship pool jew fir-relegation pool.
Il-Ħadd, mingħajr ma’ impressjonaw wisq, Hamrun Spartans irritornaw għar-rebħ u kisbu l-ewwel rebħa taħt it-tmexxija ta’ Branko Nisevic, meta b’riżultat ta’ 1 – 0 għelbu lill-Santa Lucia. B’din ir-rebħa Hamrun ikkonsolidaw posthom fir-raba post tal-klassifika u resqu viċin iżjed Birkirkara FC li min naħa tagħhom ġew miżmuma fid-draw ta’ 0 – 0 minn Sliema Wanderers. Għal Sliema dan kien punt importanti meta wieħed jikkunsidra liż-żewġ timijiet ta’ qabilhom jiġifieri Balzan u Santa Luċia waqqaw il-punti.
Ritratt: Floriana FC