Il-kampanja pożittiva lejn futur sabiħ flimkien tal-Partit Laburista kompliet matul it-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali, li se twassalna għas-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej.
Dan hekk kif fil-bidu tal-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta iżjed proposti, favur it-tfal u ż-żgħażagħ.
Fost dawn il-proposti mħabbra mill-Prim Ministru hemm dawk li l-ġenituri ta’ dawk li jkomplu jistudjaw jingħataw elf u ħames mitt ewro, laptop għall-istudenti tas-sekondarja u ġiet estiża l-one tablet per child għas-sekondarja.
Hawnhekk il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista ġdid se jkun qed jagħti garanzija għat-tfal ta’ mija ħamsa u erbgħin miljun ewro fil-ħames snin li ġejjin.
Jekk jingħata l-fiduċja, il-Partit Laburista se jkun qed iżid iċ-children’s allowance b’erba’ mija u ħamsin ewro fi żmien ħames snin.
Wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Abela mar qalb in-nies fil-Belt, fejn iltaqa’ ma’ diversi tfal u żgħażagħ u tkellem mad-dilettanti tal-Karnival.
Il-jiem tat-tieni ġimgħa fil-kampanja elettorali komplew b’aħbarijiet sbieħ hekk kif fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu, statistika uffiċjali kkonfermat li l-ġid nazzjonali s-sena li għaddiet jiżboq dak tal-elfejn u dsatax, jiġifieri qabel il-pandemija, b’nofs biljun ewro.
L-Erbgħa filgħodu, il-Prim Ministru flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ltaqgħu mal-istudenti ġewwa l-Junior College, fejn kellhom iċ-ċans jiddiskutu l-proposti tal-Partit Laburista.
Imbagħad filgħaxija, il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista ġdid se jimplimenta l-emendi kollha proposti fil-liġi tal-IVF sal-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid.
“Id-domanda tiegħek l-aktar waħda importanti, meta se ndaħħluhom dawn l-emendi. Ħa tagħmluhom erba’ snin oħra lejn tmiem il-leġislatura l-oħra? Le. Jiena nagħtik il-kelma tiegħi li jekk ningħataw il-fiduċja mill-poplu tagħna fi żmien mitt jum minn meta niġu eletti dawk il-bidliet ikunu quddiem il-Parlament u jiġu approvati.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela wera wkoll l-impenn biex jekk jingħata l-fiduċja, iżid is-salarji tal-edukaturi, waqt li propona wkoll l-Kindergarten Assistants u l-LSEs kollha jitħallsu waqt it-teaching practice.
L-għada, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA u anki mal-unjins tal-għalliema l-MUT u l-UPE.
Dawn tal-aħħar faħħru l-proposti tal-Partit Laburista marbuta mal-edukaturi.
Wara nofsinhar, il-Prim Ministru inawgura investiment ta’ tnejn u erbgħin miljun ewro f’espansjoni ta’ hangar ġdid tal-SR Technics.
Dan l-investiment se joħloq mal-ħames mitt impjieg.
Il-Ġimgħa, il-Prim Ministru ħabbar li Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jkun jagħti żieda qawwija fl-għotja tal-carers li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità severa. Dan hekk kif minn ħames mitt ewro se tiżdied għal aktar minn erbat elef u seba’ mitt ewro.
Is-Sibt f’Għawdex, il-Prim Ministru ħabbar li f’din il-gżira se jkunu qed jiżdiedu l-impjiegi permezz ta’ tax credit ta’ ħamsin elf ewro għal kull ażjenda fil-kamp diġitali li tiftaħ f’Għawdex.
Din il-ġimgħa Dr Abela mar ukoll jitfa’ n-nomina tiegħu bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-tieni u l-ħames distrett.
Matul din il-ġimgħa, il-kuntatt man-nies ma naqasx, hekk kif il-Prim Ministru, martu u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista marru fil-qalba tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.