Ħamsin sena ilu, bħal-lum, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien mexa mill-Berġa t’Aragona għal Berġa ta’ Kastilja.
Kien Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Perit Dom Mintoff, li mexxa l-Uffiċċju min-naħa għal oħra fil-Belt.
Mintoff kien reġa’ ġie elett Prim Ministru fl-1971, l-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta indipendenti.
Disa’ xhur wara li sar Prim Ministru ta’ Malta mexa lejn Kastilja f’xahar impenjattiv ħafna fejn f’Marzu tal-1972, kien ġie finalizzat il-ftehim ta’ difiża bejn Malta u r-Renju Unit, li kien ftehim ferm iżjed favorevoli minn dak negozjat minn Gvern Nazzjonalista tas-sittinijiet ta’ George Borg Olivier.
B’dan il-ftehim, finalment l-Ingliżi kellhom jagħlqu l-bażi militari f’Marzu tal-1979 filwaqt li kellhom jagħtu somom iżjed ta’ flus u mhux self biex bihom Malta bdiet tirriġenera ruħha.