“Irrid ngħix f’pajjiż bi Gvern li jaħseb u jinvesti f’kulħadd”
Iddikjara dan l-attivist Laburista Randolph De Battista f’diskors li għamel waqt ir-Rally Team Malta.
Qabel tkellem il-Prim Ministru, Randolph De Battista spjega kif il-Partit Laburista għandu l-kredibilità li jwettaq bosta proposti favur il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “Għalfejn qiegħed hawn? Qiegħed hawn għax irrid ngħix f’pajjiż li jgħannaq u jgħin lil min jixtieq isir ġenitur. Mhux f’pajjiż li jinsulentahom. Qiegħed hawn għax irrid ngħix f’pajjiż li jgħin lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti, qiegħed hawn għax irrid ngħix f’pajjiż fejn min għandu dħul baxx jista’ jaspira li jimxi ’l quddiem u jsib Gvern li jgħinu u mhux ifixklu. Għax naf x’iġifieri li tkun ġej minn familja bi dħul baxx.”
Bl-għajta ta’ Malta Flimkien, Randolph De Battista nnota kif hemm kuntrast kbir bejn il-Partit Laburista li jilqa’ lil kulħadd, u l-Partit Nazzjonalista li fih tiddomina l-firda.
Qal, “Għal dan il-moviment, ma tagħmilx differenza lil min ivvotajt fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jew jekk ivvotajtx. Għal dan il-moviment, mhemmx Malta tal-ħomor u Malta tal-blu. Għal dan il-moviment, ma hemmx Malta tan-naħa t’isfel u Malta tan-naħa ta’ fuq. M’hemmx Malta tas-sinjuri u Malta tal-kumplament. Għal dan il-moviment, Malta hija waħda, sħiħa. Malta Flimkien.”
De Battista qal kif kien Gvern Laburista li wettaq il-progress u l-bidla f’dan il-pajjiż u hawn, f’messaġġ ċar, appella lil kulħadd sabiex fis-26 ta’ Marzu jivvota għall-moviment li baqalu ħafna ġid xi jwettaq għal Malta u Għawdex.
Qal, “Li noqogħdu d-dar mhijiex is-soluzzjoni. Li nirriskjaw li nitilfu dak li ksibna mhijiex is-soluzzjoni. Is-soluzzjoni hija li ningħaqdu flimkien u naħdmu għall-progress. Għaliex il-bidla jista’ jġiba biss dan il-moviment. Moviment li ġab bidliet kbar imma li fadallu ħafna xi jbiddel.”