Mijiet ta’ nisa u tfal qabdu jdejn xulxin b’basket f’idejhom u qasmu pont mibni fi ftit sigħat biex jaħarbu mir-residenza tagħhom hekk kif dan il-lejl l-attakki Russi komplew u waqqaw bomba ta’ iktar minn ħames mitt kilogrammi ġewwa żona residenzjali ftit mili l-bogħod mill-kapitali Kyiv.
Sensiela ta’ splużjonijiet instemgħu matul il-lejl f’Kharkiv, it-tieni l-akbar belt fl-Ukrajna.
Il-belt ta’ Mariupol hija mdawra mill-forzi Russi u s-sindku tenna li huwa impossibli li jingħaddu l-imwiet tan-nies f’din il-belt. L-evakwazzjoni tan-nies ċivili minn din il-belt għandha tibda fil-ħdax ta’ dalgħodu.