Fl-aħħar ħamest ijiem tqassmu aktar minn nofs id-dokumenti tal-vot ta’ dawk eleġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej. It-tqassim tal-vot bieb bieb mill-Pulizija beda nhar it-Tnejn li għadda u se jibqa’ għaddej sa nhar il-Ġimgħa li ġej u sa issa tqassmu madwar 57% tad-dokumenti tal-vot. B’kollox hemm 355,025 persuna li huma eleġibbli li jivvuttaw f’din l-elezzjoni.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li dan l-andament fit-tqassim tad-dokumenti tal-vot hu wieħed aħjar ikkumparat ma’ elezzjonijiet nazzjonali oħra.
“F’dawn il-ħamest ijiem li għaddew, jiġifieri minn nhar it-Tnejn sal-bieraħ tqassmu aktar minn mitejn elf tal voti jiġifieri dawk huma 57% tad-dokumenti tal-votazzjoni u issa fadal it-43% l-oħra. It-tqassim se jkompli matul is-sebat ijiem li ġejjin inkluż is-Sibt u l-Ħadd u l-aħħar ġurnata tat-tqassim bieb bieb tkun il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu. Il-ħinijiet infakkar huma bejn it-08:00 u s-13:00 u bejn it-15:00 u d-21:00. Importanti li f’kull residenza jkun hemm persuna adulta li tkun tista’ tirċevi d-dokumenti tal-votazzjoni.”
Imbagħad minn nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu mbagħad jibqa t-tqassim tal-voti mill-għasses ta’ kull lokalità. Madankollu, Gatt saħaq li kemm jista’ jkun għandhom jitqassmu voti bieb bieb, dan sabiex jonqos l-influss ta’ persuni li jmorru jiġbru l-voti mill-għasses tal-Pulizija.
Huwa fakkar li minn għandu xi problema dwar il-proċess elettorali jista’ jċempel lill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.
Intant, bħalissa jinsabu wkoll miftuħin in-nomini għall-kandidati għall-Elezzjonijiet Ġenerali. Liema nominazzjonijiet jibqgħu miftuħin sal-Ħadd 6 ta’ Marzu.