Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qal kif Gvern Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi kien naqqas it-taxxi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Din id-dikjarazzjoni, li kompliet toħroġ fid-deher il-politika tal-passat li hu mhedi fuqha l-Partit Nazzjonalista, qalha f’dibattitu politiku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja l-kandidat Nazzjonalista Graham Bencini.
Hawnhekk, il-Ministru Owen Bonnici fakkar kif it-tnaqqis tal-income tax, kienet waħda mill-ħafna wegħdi ta’ Lawrence Gonzi li ma twettqux u kellu jkun il-Partit Laburista fl-2013 li tela’ fil-Gvern u implimenta t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul.
Owen Bonnici: “Meta jiġu tal-Partit Nazzjonalista jgħidu fuq it-taxxa, jien verament nimmeravilja ruħi għax dawn jinsew li Lawrence Gonzi kien tela’ bl-għajta li se jnaqqas l-income tax u dik il-wegħda ma għamilhiex.”
Graham Bencini: “U naqqasha. Iva naqqasniha.”
Owen Bonnici: “Irrid infakkrek li meta ġie biex jimplimenta dik il-wegħda meta tela’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru huwa kien qal li ċ-ċirkostanzi inbidlu u ma naqqashiex. Dik il-wegħda imbagħad implimentaha Gvern Laburista.”
Arnold Cassola: “Naqbel ma’ Owen Bonnici hawnhekk.”
F’dikjarazzjoni ċara, il-Ministru u Kandidat Laburista Owen Bonnici, qal kif in-nies hemm barra jafu min fil-passat għolla l-kontijiet lill-Maltin u Għawdxin u min fil-preżent u l-futur baqa’ u se jibqa’ jtejbilhom il-kwalità tal-ħajja.
“In-nies jafu x’kien ifisser il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil… Gvern Laburista anke f’pandemija daħħal idejh fil-but għax kellna ekonomija b’saħħitha u ta għajnuniet u ħa jkompli jagħti l-għajnuniet. Aħna kull wegħda li għamilna hija costed, aħna nafu kemm se tiswa.”
Fid-dibattitu mmexxi mill-Professur Andrew Azzopardi, Graham Bencini evidentament imniggeż bil-fatt li Beppe Fenech Adami se jkun qed jikkandida ruħu fuq l-istess distrett tiegħu wara li rtirat Kirsty Debono, qal b’mod indirett li Fenech Adami m’huwiex wiċċ ġdid, bħal ma għamel fuq l-istazzjon nazzjonali f’din il-kampanja.
“Beppe huwa parti minn tim fuq id-disa’ distrett u fuq it-tmien distrett fejn f’dak it-tim hemm nies b’uċuh ġodda u nies t’esperjenza.”