“Għalkemm nemmnu li dak li tħabbar huwa pass sinifikanti ’l quddiem se nibqgħu nżommu l-kawtela. Kellna pjan effettiv u effiċjenti u implimentajnih.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja b’reazzjoni għall-aħbar li Malta ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tindirizza strateġikament ir -rakkomandazzjonijiet li sarulha mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.
Biex b’hekk l-istess FATF aċċettat ir-rakkomandazzjoni li ssir żjara magħrufa aħjar bħala on-site visit, f’Malta biex tikkonferma dan il-progress.
Żjara meqjusa bħala l-fażi finali tal-proċess biex pajjiżna joħroġ mill-proċedura ta’ aktar moniteraġġ u li mistennija ssir sal-ewwel nofs ta’ din is-sena.
Is-Sibt filgħodu f’Kastilja, Dr Robert Abela tenna li l-pjan ta’ azzjoni ffoka li jindirizza punti tekniċi relatati l-aktar ma’ persuni legali u gatekeepers ta’ beneficial ownership u l-implimentazzjoni tal-intelliġenza finanzjarja.
Il-Prim Ministru tenna wkoll s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu sabiex pajjiżna jilħaq dan it-tragward importanti.
Huwa sostna wkoll li bħala Gvern se jibqa’ jfittex l-ogħla standards ta’ tmexxija għas-snin li ġejjin filwaqt li rrimarka l-governanza t-tajba se tibqa’ tiġi prattikata favur stat ġust u aktar modern.
Indirizza wkoll din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana hekk kif spjega l-ħidma sfieqa li saret fl-aħħar xhur minkejja li kien hemm min ried juża din is-sitwazzjoni bħala ballun politiku.
Il-Ministru Caruana rrimarka wkoll il-qbil unanimu li kien hemm fi ħdan l-FATF dwar Malta li ssodisfat il-kriterji kollha biex b’hekk ssirilha din iż-żjara mill-assessuri tal-FATF.