L-Assocjazzjoni Maltija Basketball ħabbret li l-amerikan Alan Walls ġie maħtur kowċ ġdid tat-team nazzjonali malti tal-irġiel tal-Basketball. Walls għandu l-liċenzja FIBA u b’esperjenza ta’ 28 sena.
Huwa se jkun qed imexxi lit-team nazzjonali malti għall-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-FIBA li se jsir f’Malta bejn it-28 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju li ġej.
It-team malti se jkun qed jilgħab fi Grupp A flimkien ma’ Andorra u Ażerbajġan. Grupp B jinkludi lill-Armenja, Gibilta’ u San Marino.
F’kumment, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija Basketball Paul Sultana, qal li jinsab kuntent li Walls aċċetta l-offerta sabiex jieħu f’idejh it-team malti u li l-esperjenza li għandu f’dan l-isport se tgħin fl-iżvilupp tal-plejers maltin.
Min-naħa tieghu Alan Walls qal li jinsab ħerqan li jibda din l-esperjenza ġdida tiegħu hawn Malta u li l-fatt li l-kampjonat għall pajjiżi -żgħar se jsir f’pajjiżna se jimla’ lit-team malti b’aktar ħeġġa għal riżultat prestiġġjuż.