L-isport se jkun parti ċentrali tal-kampanja u tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Qal dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef waqt laqgħa mat-tmexxija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Daniel Micallef qal kif Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jkompli jagħti l-appoġġ lill-isportivi u hawnhekk semma kif il-manifest se jkun qed jinkludi diversi dixxiplini.
Intqal kif sa tmiem is-sena d-dieħla se jsiru żewġ avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna, fejn semma kif dawn se jkunu importanti.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol Bjorn Vassallo qal kif fl-aħħar snin sab koperazzjoni mill-Gvern biex saru diversi proġetti sportivi.
Hawnhekk Vassallo semma kif kienet deċiżjoni għaqlija mill-Gvern Laburista li l-isport ġie elevat għal Ministeru.
Il-President tal-MFA nnota kif waqt il-pandemija, l-isportivi ngħataw il-COVID Wage Supplement, fejn il-Gvern wera bil-fatti kif l-isportivi huma rikonoxxuti.
Preżenti kien hemm il-Ministru Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef u l-kandidati Laburisti Chris Bonett u Herbert Conti.