Il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u martu Dr Lydia Abela tkellmu u ltaqgħu maż-żgħażagħ bħala parti mill-kampanja Together We Are mtella’ minn Żgħażagħ Laburisti.
F’San Ġiljan, il-Prim Ministru qal li rridu nisfidaw l-istatus quo.
Hawn semma r-riforma fil-liġi kannabis u kif ħaddieħor irid jieħodna lura billi jdawwar l-arloġġ lura, filwaqt li Gvern ġdid imexxi minnu jrid ikompli jembarka fuq riformi.
Huwa għalhekk li liż-żgħażagħ il-Prim Ministru qalilhom ma nistgħux nikkuntentaw bl-istatus quo.
Qal, “Mhux talli għamlu s-snin plaċidi, tant persuni min spiċċa l-ħabs, min spiċċa b’kondotta mtebba’, min spiċċa tilef ix-xogħol tiegħu, min spiċċa kien qed jagħmel kors universitarju u ma setax ikomplih, jew komplih imma ma setax isarraf mill-frott tal-ħidma tiegħu, minħabba li għal tant snin il-pajjiż kien plaċidu, żamm l-istatus quo. U jgħidulna issa illi din il-liġi se jżommuha, imma se jżommu l-isem tagħha għax qalulna illi se jibdew jemendaw fiha u jneħħu minnha, se jħallulha l-isem u jneħħulha r-ruħ tagħha l-liġi. U mhux talli jżommu l-istatus quo, talli jerġgħu jeħduna lura fiż-żmien.”
Il-Prim Ministru saħaq li dik se terġa’ tkun l-għażla nhar is-26 ta’ Marzu billi nagħżlu l-futur u mhux il-passat li qed jippreżenta Bernard Grech.
Dr Abela tenna wkoll l-impenn tiegħu, li fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid immexxi minnu, iressaq l-emendi fil-liġi tal-IVF biex aktar persuni jkunu jistgħu jsiru ġenituri.
Il-Prim Ministru u Lydia Abela tkellmu fuq il-laqgħat maż-żgħażagħ, fosthom fil-Junior College, b’Dr Lydia Abela tagħmel referenza għall-garanzija għat-tfal ta’ €145 miljun.
Hawn semmiet il-proposti tal-Partit Laburista ta’ €1,500 għotja mill-Gvern għal kull wild li jibqa’ jimraħ bil-vjaġġ edukattiv tiegħu wara l-edukazzjoni obbligatorja.
Lydia Abela saħqet li kulħadd għandu jkollu l-opportunitajiet għall-futur isbaħ.
Qalet, “Għaliex nemmnu li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-kotba, nemmnu li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-internet, kulħadd għandu jkollu aċċess għall-fatt li jmur jagħmel attivitajiet extra-kurrikulari, kulħadd għandu jingħata opportunità u kulħadd għandu ċ-ċans jingħata r-riżorsi biex jaħtaf dik l-opportunità.”
Il-Prim Ministru semma wkoll l-investiment li kien għadu kif inawgura fl-SR Technics fejn dan il-proġett tal-hangar ifisser li hemm mijiet ta’ impjiegi ta’ kwalità jistennew liż-żgħażagħ Maltin, f’industrija tant importanti, dik tal-avjazzjoni.