Il-Kumpanija Assikura żammet mat-tradizzjoni li tipprovdi sostenn finanzjaru lill-Malta Racing Club sabiex jiġu organizzati l-ewwel żewġ finali tas-sena riservati għall-klassijiet Gold u Bronze. Fil-fatt din l-assoċjazzjoni bejn il-kumpanija Assikura u l-Malta Racing Club teħodna lura ħmistax-il sena hekk kif fl-2007 kellna l-Condition Races u fl-2010 bdew isiru l-kampjonati Assikura.
Sfortunatament is-sena l-oħra, kawża tal-pandemija fejn l-attività sportiva ġiet sospiża, dawn iż-żewġ kampjonati kienu ġew interrotti wara li saru l-heats u għalhekk il-finali kellhom isiru ħafna aktar tard matul is-sena.
Nhar it-13 ta’ Frar saru 6 heats għall-klassi Gold li fihom ħadu sehem 69 żiemel sabiex għaddew 24 għas-semi finali li nġrew nhar il-Ħadd li għadda. Kienu żewġ semi finali verament kompetittivi li minnhom sirna nafu t-tnax-il finalist li se jkunu qed jikkompetu kontra xulxin nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu. Id-distanza ta’ din il-finali hija 2140m.
Nhar il-Ħadd li ġej se jsiru t-tliet semi finali tal-Klassi Bronze wara li f’din il-kategorija kellna numru rekord ta’ 105 żiemel li ħadu sehem f’disa’ heats. Il-finali tal-Klassi Bronze se ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu.
Din il-Konferenza Stampa kienet indirizzata mil-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club u EquestriMalta s-Sur Edwin Borg u l-Managing Director tal-Kumpanija Assikura Insurance Brokers is-Sur Andrew Grech. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta s-Sur Max Zammit u l-Kap Eżekuttiv ta’ Marsa Racetrack Ltd l-Avukat Matthew Brincat.
It-tlugħ tal-poloz saru fil-preżenza tas-sidien taż-żwiemel finalisti:
- DYNAMIT LIFE
- BICETRE
- DOUDOU DE BOUERE
- BELMANN
- CUTTY SARK
- BAJAZET
- ARMANI S.
- ATOUT DE MONTBRUN
- GIGANT WELL
- JEFFERSON DOTCOM
- APACHE REYOR
- CHARMING SOLDIER