Ġew imnedija żewġ fondi immirati għad-djar tal-produzzjoni, sabiex tiġi assigurata l-kwalità tal-produzzjonijiet Maltin, liema fondi se jgħinu wkoll sabiex dawn il-produzzjonijiet isibu ruħhom barra minn pajjiżna.
Fit-tnedija ta’ dawn il-fondi, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, stqarr kif permezz tal-għajnuna tal-Gvern tul is-snin bi skemi simili, ix-xandir Malti kien kapaċi juri t-talent Malti bl-aqwa mod possibbli.
Il-Ministru stqarr kif bl-Iskema ta’ Kontenut għall-Midja, il-Gvern qiegħed ikompli jkun ta’ appoġġ għat-talent Malti f’dan is-settur.
Qal, “Bit-tieni skema li ħabbarna llum ukoll, il-Gvern se jkompli jappoġġja l-għaqdiet mhux governattivi biex il-produzzjonijiet li jagħmlu huma, anke dawk immirati għall-konsum lokali tal-lokalità tagħhom li huma jaħdmu fiha, isibu l-appoġġ finanzjarju tal-Gvern biex b’hekk, l-aspirazzjonijiet tagħhom jintlaħqu.”
Wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif fuq dawn il-fondi mis-sit www.msd.gov.mt.