F’Għajn Klieb fil-limiti tar-Rabat saret sejba ta’ oqbra magħrufa bħala sarkofagu.
F’din is-sejba nstabu l-fdalijiet ta’ żewġ persuni, li huma maħsuba li huma raġel u mara.
Waħda mill-persuni kienet liebsa ġojjellerija magħmula mill-metall u fis-sit instabu wkoll fuħħar u fdalijiet t’annimal.
Fi stqarrija, is-Sovrintendenza tal-Patrimonji Kulturali qalet li dawn il-fdalijiet imorru għal madwar 600 sena qabel Kristu u huwa maħsub li huwa ta’ żmien il-Feniċi.
Il-ħidma saret flimkien ma’ Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Arkeoloġija.
L-għadam u l-oġġetti li nstabu issa jinsabu fil-laboratorji tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fil-Belt u l-Kalkara.
Fi stqarrija kien intqal kif dan is-sit instab b’kumbinazzjoni waqt li kienu qed isiru xogħlijiet biex jgħaddu s-servizzi fl-2001 u hawnhekk kien ġie deċiż li s-sit jibqa’ ppreservat kif inhu.
Is-sena li għaddiet kien hemm bżonn li jsiru xogħlijiet infrastrutturali fil-post u ttieħdet id-deċiżjoni li s-sit ikun investigat.
Intqal kif sejba ta’ sarkofagu hija rari ħafna fl-arkeoloġija Maltija, hekk kif l-aħħar wieħed li nstab qabel dan kien ’il fuq minn 300 sena ilu.
Is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali Kurt Farrugia spjega kif it-tliet entitajiet se jkunu qed jikkollaboraw flimkien fl-oqsma tar-riċerka.
Waqt li l-Professur Nicholas Vella mid-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta qal kif għal madwar 100 sena, ħafna oqbra tal-post kienu ġew skoperti, iżda ma nżammitx dokumentazzjoni ċara ta’ dak li nstab.
Intqal kif din ir-riċerka se tkun qed tixħet dawl fuq ir-ritwali marbutin mal-mewt f’dan il-perjodu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit qal kif wara li tkun lesta r-riċerka hemm pjanijiet biex dawn l-artifatti jkunu f’wirja permanenti, possibilment fil-Katakombi ta’ San Pawl, biex dawn ikunu dejjem aċċessibbli għall-pubbliku.