Prijorità oħra ta’ Gvern ġdid Laburista hija li toffri kundizzjonijiet u pagi aħjar għall-edukaturi.
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt laqgħat mal-Unjini għall-Għalliema l-MUT u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali l-UPE.
F’dawn il-laqgħat Dr Abela ppreżenta numru ta’ proposti fejn jekk jingħata l-fiduċja fis-26 ta’ Marzu se jkun qed jiżgura li jiġu implimentati.
Hawn il-Prim Ministru tenna fost oħrajn li Gvern Laburista ġdid joffri kundizzjonijiet aħjar għall-edukaturi. Dan ifisser titjib sinjifikanti ieħor fil-pagi tal-għalliema fil-ħames snin li ġejjin.
Dan filwaqt li studenti li qed jistudjaw biex jilħqu kindergarten educators jew learning support educators jibdew jirċievu ħlas waqt it-teaching practice huma wkoll.
Ġie diskuss ukoll kif l-edukaturi għandu jkollhom irwol akbar ta’ policy-makers u b’hekk filwaqt li jissaħħaħ id-djalogu jitwaqqaf ċentru tar-riċerka indipendenti mill-Gvern.
F’dawn il-laqgħat Dr Abela tenna wkoll l-importanza li tibda diskussjoni dwar il-homework u l-ħin liberu tat-tfal, titjieb ieħor apparti fil-pagi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema b’inqas burokrazija, jitkompla l-investiment qawwi f’bini ta’ skejjel u mmodernizzar tal-klassijiet fost affarijiet oħra.
B’rabta ma’ dan ONE News tkellem ma’ Marco Bonnici bħala President tal-MUT.
Qal, “Laqgħa li hija tajba ħafna anke biex inħarsu ’l quddiem anke eventwalment fix-xhur li ġejjin. Il-proposti li ovjament ippreżenta l-Partit Laburista huma tajbin ħafna, ilqajnihom mill-ewwel il-fatt li se jkun hemm committment taż-żieda fis-salarji tal-edukaturi, xi ħaġa li hija importanti ħafna u wkoll li ssemmew fil-fatt KGAS u LSEs u li ħa jidħlu wkoll bħala parti mit-titjib sostanzjali li qed jissemma. Hija xi ħaġa li ovjament nilqugħa bis-saħħa kollha.”
Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone tenna kif ġie wkoll propost l-introduzzjoni mill-ġdid tal-iskejjel tal-isnajja.
Qal, “Il-punti li semmejna u li tħabbru l-bieraħ naħseb huma pożittivi ħafna. Nemmnu wkoll li ma’ dawk li ssemmew ilbieraħ hemm bżonn ukoll jittieħdu b’serjetà is-settur fejn għandek supply teachers ukoll. Jiġifieri hemm diversi għalliema li jridu jibbenefikaw minn avvanz fil-karriera tagħhom u semmejn wkoll proposti oħrajn li l-Prim Ministru jidher li huwa on board fuqhom inkluż ukoll l-introduzzjoni fuq it-trade schools, kif jaħdmu u kif joperaw għaliex il-pajjiż u s-settur għandu bżonn ta’ iżjed żgħażagħ li jkunu speċjalizzati f’ċertu oqsma imma jidher iva li hemm viżjoni pożittiva li bħala Unjin aħna naraw li qegħdin on the same wavelength.”