“Ebda proċess burokratiku ma għandu jitħalla jfixkel l-investiment.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’laqgħa li kellhu mall-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA.
Il-Prim Ministru sostna li l-prijorità ta’ Gvern ġdid se tkun li tonqos b’mod qawwi l-burokrazija.
Huwa qal li se jiżgura li tkun indirizzata l-burokrazija, dan filwaqt li jinħolqu aktar inċentivi biex in-negozji jinvestu iktar u b’hekk jinħoloq iżjed ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fost l-oqsma li se jkunu indirizzati hemm dak bankarju.
Il-Prim Ministru sostna kif ċertu dewmien u burokrazija m’għandhomx ikunu aċċettabli.
Il-Prim Ministru wera l-impenn li se jkun qed jidħol f’din il-kwistjoni personalment anke jekk is-settur bankarju ma jaqax taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Gvern, iżda saħaq li l-Gvern għandu l-obbligu li ma jkunx hemm sistemi inġusti li jfixklu l-investiment.
Min-naħa tiegħu l-President tal-MDA, Michael Stivala rringrazzja lill-Prim Ministru li dejjem ta’ kas il-proposti ta’ din l-assoċjazzjoni.
Sostna li dawn kienu proposti li ħallew il-frott u kienu pedament sod ta’ rkupru ekonomiku f’pajjiżna.
Stivala preżenta l-proposti l-ġodda għall-elezzjoni ta’ din is-sena.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru f’din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef, il-Ministru Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius.