It-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali se tagħlaq b’Rally Team Malta.
Rally ieħor li se jkompli jwassal messaġġ pożittiv li qed jgħaddi l-Partit Laburista għall-futur, bl-għajta ‘Malta Flimkien’.
Rally Team Malta tal-Ħadd li ġej se jsir fil-Padiljun ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid, post speċjali anki għaliex f’dan il-post kien ġie organizzat Kungress li ħatar lil Robert Abela bħala Mexxej tal-Partit Laburista, sentejn ilu.
Bħalissa diġà bdew it-tħejjijiet għal dan ir-Rally li jiċċelebra l-għaqda u li fih jispikkaw l-ilwien bojod u ħomor.
Ma’ ONE News, il-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard fissret kif dan ir-Rally qed jiġi organizzat b’responsabilità.
Qalet li r-Rally jilħaq il-qofol bid-diskors tal-Prim Ministru.
Qalet, “Irrid ngħid ukoll li apparti r-rally, ir-rally ‘Team Malta’, fejn se jkun hemm numru ta’ kelliema, però l-attività tilħaq il-milja tagħha meta jitkellem il-Prim Ministru Robert Abela. Wieħed jistenna d-diskors pożittiv u nkomplu bid-diskorsi viżjonarji li qed jagħti l-Prim Ministru Abela tul din il-kampanja elettorali.”
Dr Ramona Attard fakkret ukoll fuq il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista ta’ nhar il-Ħadd.
Spjegat, “Mill-għaxra u nofs sal-ħdax ta’ filgħaxija se jkun hemm maratona ġbir ta’ fondi, però mit-tlieta sal-ħamsa, ikun hemm id-diskors tal-Prim Ministru, ikun hemm ir-rally b’entertainment qabel, li se jkun ukoll entertainment sabiħ.”
Wieħed jista’ jirriserva post għar-rally ta’ nhar il-Ħadd minn fuq is-sit partitlaburista.org jew fuq 20901751.