Il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej qiegħed joffri li jerfa’ l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni ta’ ċittadini mill-Ukrajna li qed jaħarbu minn pajjiżhom.
Il-Ministeru se jkun qed joffri li jkopri l-ispejjeż għall-Ukreni fil-lukandi li qed jintużaw bħala lukandi ta’ kwarantina mal-wasla tagħhom f’Malta.
Iċ-ċittadini Ukreni li waslu f’pajjiżna wara l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar li għadda, se jkunu meħtieġa jiddikjaraw li m’għandhomx biżżejjed fondi biex jagħmlu użu minn din l-akkomodazzjoni, u li m’għandhomx post alternattiv f’pajjiżna fejn jagħmlu kwarantina.
Il-koordiniatrici tal-kommunita’ Ukrena f’Malta se tkun qed tassisti lill-applikanti fid-diffikultajiet tagħhom u l-Uffiċjali mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkunu qed jassistu permezz tal-indirizz elettroniku: tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.