Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn total ta’ għoxrin miljun ewro f’għotjiet finanzjarji għal użu ta’ trasport aktar nadif, fil-forma ta’ skemi favur l-ambjent u trasport sostenniblili.
B’kollox tnedew disa’ għotjiet finanzjarji li japplikaw b’lura mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena u se jkunu disponnibli għall-pubbliku.
L-iskemi ġew imnedija mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Dr Borg qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-Gvern se jkompli jgħin lin-nies sabiex jeqilbu l-vetturi tagħhom għal hybrid jew elettriċi u b’hekk ikollna inqas emmissjonijiet fl-arja.
Qal, “Dan huwa commitment fuq kollox ambjentali għax għal fatt li int għandek it-trasport bħala l-main polluter tal-pajjiż, allura għal fatt li qegħdin neqilbu eluf ta’ karozzi li jħammġu anqas jew xejn huwa minnu nnifsu proġett ambjentali.”
L-akbar allokazzjoni se tkun għal skemi ta’ skrappjar, għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda b’total ta’ kważi t-tmintax-il miljun u nofs ewro
Permezz ta’ din l-iskema wieħed se jgawdi minn total ta’ ħdax-il elf ewro għax-xiri ta’ vetturi plug in hybrid jew elettriċi.
L-għotja titla’ b’elf ewro oħra jekk tiskrappja l-karozza l-antika tiegħek u l-għotja tirdoppja jekk il-vettura li se tiġi skrappjata tkun reġistrata f’Għawdex.
Jekk wieħed jixtri minibus jew trakk żgħir li jniġġes anqas, jista’ jgawdi minn għotja ta’ masismu ta’ erbgħin elf ewro jew kwart ta’ miljun ewro rispettivament.
Punt notevoli ieħor huwa li kemm il-darba tixtri vettura elettrika jew plug-in hybrid użata, il-Gvern jagħtik għotja sa massimu ta’ tminnt elef ewro.
Għotja oħra b’allokazzoni ta’ sittin elf ewro se tinċentiva l-użu ta’ fjuwil alternattiv magħruf bħala LPG.
Fost l-għotjiet l-oħra hemm waħda li tinċentiva l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq coaches fost oħrajn.
Quddiem dawn l-inċentivi, Dr Zrinzo Azzopardi rrimarka li parti sewwa mill-finanzjament ta’ dawn l-għotjiet huma ġejjin mill-Pjan ta’ Rkupru approvat mill-Kummissjoni Ewropea u li din l-istituzzjoni fissret dak ta’ Malta bħala l-aktar ambjentali.
Qal, “Fil-fatt hawnhekk qegħdin nagħmlu implimentazzjoni ta’ għan li permezz tiegħu nelektrifikaw aktar il-karozzi tagħna u b’hekk inaqqsu l-emmissjonijiet, Il-pjan ta’ rkupru għalkemm għandu l-viżjoni li jsaħħaħ l-ekonomija u t-tkabbir ekonomiku. Qed iħares lejn żewġ għanijiet importanti; il-bidla lejn ekonomija iżjed ħadra u ekonomija iżjed diġitali.”