Aden Christian Fenech ta’ dsatax-il sena ġie liberat wara li kien akkużat li fit-tlieta ta’ Settembru tal-elfejn u għoxrin, saq b’mod perikoluż, tant li poġġa l-ħajja ta’ żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta fil-periklu.
Fil-Qorti d-Difiża kienet ikkontestat il-validità tal-arrest, hekk kif spjegat li l-Pulizija ma spjegatx l-akkużi lill-imputat, u li ppruvat tieħu stqarrijiet mingħajr il-preżenza tal-Avukati tiegħu.
Id-Difiża kkontestat ukoll il-validità tal-istqarrija tal-imputat.
Dan hekk kif instema’ kif meta kien miżmum fl-għassa, Fenech ammetta li baqa’ jsuq b’veloċità meta ġie avviċinat mill-uffiċjali iżda ma ammettiex li pprova jtajjar lil xi uffiċjali.
Il-Qorti kkonkludiet li ma rriżultax li l-imputat attakka jew irreżista lill-awtoritajiet waqt li kien qed jiġi arrestat.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Ishmael Psaila u Shaun Zammit.