Mara inħelset mill-akkużi ta’ traffikar tad-droga wara li l-eks sieħeb tagħha ammetta li gideb fuqha bħala vendetta.
Il-każ imur lura għall-5 ta’ Awwissu tal-2010 fejn illum il-mara għandha 53 sena mill-Furjana li kienet akkużata bix-xiri tal-eroina u bi traffikar tal-kannabis wara rapport tas-sieħeb tagħha li kienet ilha toħroġ miegħu għal xi seba’ xhur.
Ir-relazzjoni tal-koppja kienet spiċċat fuq nota qarsa, fejn sagħtejn qabel ma mar il-kwartieri ġenerali tal-pulizija jsostni li kellu informazzjoni importanti dwar każ ta’ traffikar ta’ droga, kellhom argument jaħraq fuq it-telefon.
Dakinhar waranofsinhar ir-raġel talab laqgħa mal-Iskwadra tad-Droga u pproċeda biex jgħid kollox dwar l-eks tfajla tiegħu.
Ir-raġel sostna li l-eks sieħba tiegħu kienet tfornih bid-droga għalkemm hija qatt ma qaltlu minn fejn ġabitha.
Huwa qal lill-pulizija dwar okkażjoni partikolari fejn waqt li kienu l-Belt għamlet sitt waqfiet u biegħet lil sitt persuni l-kannabis b’€25 kull ħames grammi.
Xi tliet xhur qabel, il-mara għamlet rapporti minħabba theddid ripetut mill-eks maħbub tagħha.
Huwa pprova jiżgassa l-bieb tad-dar tagħha kemm il-darba.
“Kont rrabjat magħha, ovvjament, dik hija il-verità,” qal ir-raġel.
Meta tat is-sentenza, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, osservat li l-każ tal-prosekuzzjoni kien imniżżel kollu kemm hu fuq l-istqarrija mogħtija mill-eks sieħeb tal-akkużata li sussegwentament ammetta li din kienet vendetta.
Il-Qorti osservat ukoll li tfittxija fid-dar tas-suspettata fejn ma sabu assolutament xejn illegali u l-ebda oġġetti relatati mad-droga fil-pussess tagħha.
Minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, il-Qorti qalet li jkun perikoluż li wieħed joqgħod biss fuq ix-xhieda tal-eks sieħeb fid-dawl tal-mottiv wara d-dikjarazzjoni tiegħu u b’hekk l-imputata nħelset mill-akkużi miġjuba kontriha.
L-Avukati difensuri tal-akkużata kienu Veronique Dalli u Dean Hili.