Keith Pace ta’ 34 sena ġie illiberat wara li f’Ottubru tal-2017 ġie akkużat li seraq envelop bi tmien mija u ħamsin ewro tal-ġara wara li waqgħalha meta marret biex tiddepożitah il-bank fiż-Żejtun.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet ix-xhieda tal-prosekuzzjoni li l-mara marret tirrapporta l-għassa li tilfet envelop tad-depożitu tal-bank.
Minn hemm il-Pulizija kisbet il-filmat tas-sigurtà tal-bank u ħasbet li s-suspettat kien raġel ieħor.
Wara li dan ir-raġel ċaħad u l-Pulizija kellha dubju kemm kien il-ħalliel reġgħet ħarġet xi ritratti oħra mill-filmat u l-allegata vittma għarfet lill-ġar tagħha jiġbor l-envelop ftit wara li kien waqgħalha.
Il-Pulizija qalet li l-imputat ammetta li ġabar l-envelop iżda ma kellux flus fih.
Il-Qorti nnotat li l-unika prova li l-prosekuzzjoni għandha kontra l-imputat huwa l-filmat u dan il-filmat qatt ma ġie kkonfermat li hu validu minn espert maħtur mill-Qorti.
Għaldaqstant il-Qorti qalet li ma tistax tkun ċerta li dan il-filmat jirreferi għall-ħin u d-data tal-allegat reat.
Innotat ukoll li anke jekk l-imputat ġabar dan l-envelop, ma jfissirx li wettaq reat ta’ serq iżda li sab xi ħaġa ta’ xi ħadd u ma rrapportahiex lill-pulizija.
Għaldaqstant ma sabitux ħati u illiberatu.