Il-kantawtur Malti Kurt Cassar kmieni din is-sena ġie magħżul fost is-semifinalisti tal-ewwel edizzjoni ta’ Una Voce per San Marino, pjattaforma mużikali ġdida li twassal għall-Eurovision li tinkludi 10 artisti stabbiliti. Flimkien mal-artisti stabbiliti, 9 artisti emerġenti minn 585 kantant kellhom iċ-ċans li jaslu sal-finalissima u jaqsmu l-palk mal-artisti l-kbar li din is-sena kienu – Ivana Spagna, Achille Lauro, Francesco Monte, Matteo Faustini, Cristina Ramos, id-Dj popolari mad-dinja Burak Yeter u r-rebbieh ta’ San Remo Valerio Scanu.
Kurt irnexxielu jirbaħ is-semifinali tiegħu u fil-finali tal-emerġenti klassifika mal-ewwel ħamsa u b’hekk bi dritt irnexxielu jilħaq it-tragward tal-finalissima flimkien mal-artisti l-kbar li semmejna. Kurt huwa l-uniku minn 3 artisti barranin li rnexxielhom jissuperaw il-fażijiet kollha. Fil-finalissima Kurt u t-tmien l-artisti emerġenti l-oħrajn fosthom l-Ingliż Aaron Sibley u l-Ġermaniż Basti, irnexxielu jżomm it-titlu fil-klassifika hekk kif akkwista 30 punt b’parita mal-artista popolari Cristina Ramos u Valerio Scanu li kienu biżżejjed biex ma jintilifx mill-klassifika ġenerali tal-aqwa 18.
Fil-finalissima Kurt interpreta l-kanzunetta ‘Tears of Gold’ fuq stil ballad modern b’kompożizzjoni tal-kompożitur Ingliż Max Cinnamon u kitba ta’ Kurt stess flimkien ma’ Max.
Din hija l-ewwel darba li San Marino organiżża l-Festival Nazzjonali tal-pajjiż u ġibed ħafna attenzjoni minn bloggers internazzjonali tal-Eurovision. Il-Festival intrebaħ mill-artist Achille Lauro li rajnih kemm-il darba f’San Remo.