Is-sena l-oħra l-ekonomija Maltija kibret b’9.4%.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, uriet li s-sena l-oħra, sena wara li faqqgħet il-pandemija, il-ġid nazzjonali laħħaq ftit aktar minn erbatax-il biljun u nofs ewro.
Dan ifisser kważi żieda ta’ biljun u nofs ewro meta mqabbel ma’ sena qabel u nofs biljun ewro iktar mill-2019, meta ma kienx hawn pandemija.
Dan it-tkabbir ekonomiku li juri rkupru ekonomiku b’saħħtu, juri wkoll li r-rata tat-tkabbir f’Malta kienet id-doppju tal-Unjoni Ewropea.
L-NSO qal li l-fatturi ewlenin li wasslu għat-tkabbir ekonomiku tas-sena l-oħra kienu żieda fl-andament fl-oqsma tas-servizzi bħal ħwienet u dawk tal-bejgħ bl-imnut.
Kien hemm żieda wkoll fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u r-ristoranti.
Intqal li d-dħul nett mit-taxxi fuq prodotti wkoll ikkontribwixxa għat-tkabbir ekonomiku.
Dan riżultat li l-bejgħ baqa’ għaddej u d-domanda domestika kienet waħda qawwija anki waqt pandemija.
Dawn iċ-ċifri uffiċjali sbieħ għall-ekonomija Maltija jsegwu rapport tal-Kummissjoni Ewropea li wera kif din is-sena stess, l-ekonomija Maltija hija l-aktar waħda li se tikber fost l-istati membri kollha.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea stmaw li sa nofs din is-sena, Malta se tikseb il-livelli ekonomiċi ta’ qabel il-pandemija.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea nnota li t-tkabbir ekonomiku f’Malta ġej wara xhur tajbin fl-andament ekonomiku s-sena l-oħra u l-qagħda tajba ħafna fil-qasam tas-saħħa, li wasslet għar-rilaxx ta’ miżuri marbuta mal-Covid-19.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat li bħall-kumplament tal-bqija tal-Ewropa, Malta affaċċjat sfidi bl-imxija fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, speċjalment minħabba l-varjant Omicron iżda tinsab ottimista li Malta se tibqa’ tesperjenza tkabbir ekonomiku.
Dan anke minħabba l-fatt li d-domanda domestika se tkompli tiżdied bl-ekonomija appoġġjata wkoll bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ pajjiżna.