Bernard Grech reġa’ nqabad ma jafx il-proposti tiegħu stess.
Din id-darba ma kienx jaf iwieġeb dwar il-proposta li skontu ser tiffinanzja l-proposti kollha tiegħu tal-programm elettorali.
Meta staqsejnieh dwar il-wegħda tiegħu li jinvesti biljun ewro għal ħolqien ta’ għaxar setturi suppost ġodda huwa ma kienx jaf jagħti d-dettalji.
Qalilna nserħu rasna li ser jiffinanzjaha mingħajr ma qalilna kif.
Colin Deguara: “Meta varajt il-proposta ta’ setturi li skond int għidt li huma ġodda. Kont għidt li nofs biljun ser ikun self. Issa fil-manifest hemm li sebgħin fil-mija ser ikun self. Taf tgħid lin-negozji kemm ser ikun self u kemm ser ikun għotja?”
Bernard Grech: “Grazzi ħafna Colin. Nieħu pjaċir issaqsini dwar din id-domanda għaliex huwa evidenti li hija domanda li hija b’saħħitha, cioe li hija miżura b’saħħitha, huwa pjan b’saħħtu, huwa evidenti li tant interessak li inti ġenwinament interessat kif ser niffinanzjawha pero serraħ rasek, ser niffinanzjawha, serraħ rasek ser inwettquha.”
Wara li f’diskors fiż-Żurrieq huwa qal lin-nies joqogħdu fuq kelmtu li ser iwettaqhom, staqsejnieh jekk in-nies hux ser jingħataw id-dettalji u l-costings ta’ kif ser iwettaq il-wegħdiet tiegħu.
Minflok reġa’ dar jitkellem fuq il-passat.
Colin Deguara: “Il-bieraħ għidt in-nies iserħu rashom pero jridu joqgħodu fuq il-kelma tiegħek biss?”
Bernard Grech: “Kif għamilna fil-passat meta konna fil-Gvern. Aħna x’għamilna mill-Gvern. Ħa nfakkarkom ftit.”
Fi stqarrija l-Partit Laburista innota kif Bernard Grech wiegħed biljun ewro f’setturi suppost ġodda li ma huma ġodda xejn.
Il-Partit Laburista kompla jgħid kif l-għada, il-biljun sar nofs biljun self u nofs biljun għotja biex imbagħad fil-manifest din saret sebgħin fil-mija self.
Mistoqsi llum, ma kienx jaf jgħid jekk hux ħamsin jew sebgħin fil-mija self u ma kienx jaf iwieġeb.
Il-Partit Laburista nnota li wara li rtirat il-kelliema għall-Ekonomija Kristy Debono, Bernard Grech jista’ jkun baqa’ ma jafx jispjega x’irid jagħmel, għax ma fadallux kelliema iktar għall-ekonomija.
Il-Partit Laburista żied jgħid li aħseb u ara kemm Bernard Grech jista’ jmexxi l-ekonomija.
“Lil Bernard Grech ma tistax tafdah bl-ekonomija”, temmet tgħid l-istqarrija.
Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet Bernard Grech spiċċa kkonferma wkoll li diġà għandu f’moħħu kif ser jagħmel il-qligħ minn fuq proposta tiegħu stess.
Wara li wiegħed li ser jagħti għaxart elf ewro lil kull min ineħħi l-karozza tiegħu u ma jużax karozza għal ħames snin, Bernard Grech kien mistoqsi hux ser jgawdi minnha hu stess.
Hawnhekk wieġeb li l-karozza li għandu tiswa iżjed minn għaxart elef ewro u għalhekk ma jkunx jaqbillu imma ħasibha li jġib karozza li tiswa inqas biex meta jgawdi mill-miżura, jagħmel il-qligħ.
Ġurnalista: “Will you make use of the 10,000 euro scheme and give up your car to go car-free?”
Bernard Grech: “My car right now is a bit more expensive than that. So maybe I’ll do it a bit later. Forsi nieqaf nuża l-karozza bla dubju għax imbagħad is-sens komun jirbaħ. Nieqaf nuża karozza li tiswa inqas minn 10,000 u allura nieħu l-għotja jien, ukoll għaliex le?”