Mal-Partit Laburista kulħadd jaf fejn qiegħed! Meta l-Partit Laburista tkellem dwar tnaqqis fit-taxxi naqqas it-taxxi u hekk se jerġa’ jsir fil-leġislatura li jmiss jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja.
Sostna dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, Daniel Micallef meta ndirizza r-Rally Team Malta qabel il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fin-Naxxar.
Il-Perit Micallef qal li tant kemm il-Partit Laburista kien preparat li ftit wara li tħabbret l-elezzjoni, il-Partit mar quddiem il-poplu bl-ewwel prijoritajiet tiegħu iżda d-Deputat Mexxej qal li fil-ġranet li ġejjin hemm ħafna iżjed x’jitħabbar.
Id-Deputat Mexxej stqarr, “Magħna tafu fejn qegħdin, tafu li dak li nwegħdu, għax nafu li jista’ jsir. Li dak li nwegħdu, għax hemm ir-rieda li jsir. Li l-prijoritajiet il-ġodda tagħna huma l-prijoriatajiet tagħkom.”
Micallef wieġeb għad-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech li jwaqqa’ ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Hu rrimarka, “Nafu li tixtiequ li aħna ma neżistux kemm il-darba għidtuha. Imma dan il-moviment li twaqqaf mitt sena ilu minn missirijietna, kellu kollox kontrih tul l-istorja tiegħu, u għadu hawn, għadu b’saħħtu u ser jibqa’ hawn għax dan il-moviment huwa n-nies u la Bernard Grech, la dawk kollha ta’ qablu u lanqas dawk kollha li ġejjin warajh mhu ser jirnexxilom iħottu dan il-Moviment.”
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista temm id-diskors tiegħu billi qal sas-26 ta’ Marzu l-Partit Laburista jrid iżomm saqajh mall-art u jkompli jaħdem sabiex jikkonvinċi aktar nies.
Micallef sostna, “Qabel kollox għax f’Robert Abela għandna mexxej li wriena kemm hu kaptan b’saħħtu fil-maltemp, li żamm pajjiż u partit magħqud aħseb u ara x’kapaċi jagħmel fil-bnazzi! U t-tieni għax konna lkoll flimkien. Kif qegħdin flimkien f’dan il-vjaġġ li ser iwassalna għas-26 ta’ Marzu. Mela ejja kollha kemm aħna nkomplu naħdmu f’dik id-direzzjoni.”