L-irtirata ħabta u sabta ta’ erba’ Deputati Nazzjonalisti minn kandidati fl-elezzjoni ġenerali għandha iżjed intriċi minn dak li wieħed jista’ jaħseb mal-ewwel daqqa ta’ għajn.
Sorsi mid-Dar Ċentrali li tkellmu mal-gazzetta Kullħadd sostnew kif permezz taċ-ċaqliqa distrettwali ta’ Beppe Fenech Adami mis-seba’ distrett għad-disa’ distrett flok Kristy Debono, l-establishment Nazzjonalista qed jieħu ħsieb l-interessi tiegħu.
Dan billi jimmina kandidati oħra bħal Joe Giglio u Ivan J. Bartolo li wkoll se jikkontestaw id-disa’ distrett.
L-istess sorsi saħqu mal-KullĦadd li din iċ-ċaqliqa ta’ Fenech Adami se tkun qed taffetwa ħażin lil Ivan J. Bartolo, anke jekk fil-mira tagħha kien hemm il-Kandidat ġdid Nazzjonalista Joe Giglio.
Bartolo wkoll ma kienx il-magħżul ta’ Grech flok David Thake, anke jekk kien ċedilu postu fil-Parlament biex jinħatar Kap tal-Opożizzjoni.
Is-sorsi qalu li l-irtirata tal-erba’ Deputati Nazzjonalisti, akkomodat iżjed lill-fazzjoni tal-Blue Heroes sabiex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fil-fatt innutaw li permezz ta’ din se jkomplu jissaħħu dawk li jiffurmaw parti mir-Reppublika, nies bħal; Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami.
Fazzjoni oħra li s-sorsi qalu li għandhom dritt jaħtfu lill-Partit Nazzjonalista biex jiġbdu dejjem lejn xawwathom flok l-interessi tal-Partit Nazzjonalista.