F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista s-Sibt filgħodu, il-Ministri u kandidati Laburisti Miriam Dalli u Clyde Caruana taw elenku tal-miżuri mħabbra fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, li se twassal lil dan il-pajjiż għal elezzjoni ġenerali fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej.
Il-Ministru Miriam Dalli ddeskriviet l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali bħala waħda li matulha ġew imressqa proposti fattibbli u costed, li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini.
“Proposti konkreti u studjati li juru bl-aktar mod ċar il-viżjoni tal-Partit Laburista”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Spjegat li fil-jiem li ġejjin se jkun ippreżentat manifest elettorali b’saħħtu li nibet mill-proċess tal-mitt idea, li joffri għażla bejn min hu ankrat fil-passat u min iħares lejn il-futur b’ottimiżu.
Il-Ministru Dalli qalet li fuq kollox, f’dawn l-ewwel ħamest ijiem, il-Partit Laburista wera l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna għas-snin li ġejjin, li se tkompli ssaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u tagħti prijorità assoluta lill-ambjent.
Qalet, “Qegħdin inwiegħdu lin-nies investiment ta’ mitt miljun ewro fis-sena biex dawk iż-żoni li huma l-aktar densi, li huma l-aktar urbani, saħansitra żoni industrijali, qegħdin ngħidu lin-nies li aħna se nkunu qegħdin nagħtukom pulmun aħdar f’dawn il-lokalitajiet bħall-Ħamrun, dik li sal-lum hija l-fabbrika tal-ħalib, qegħdin ngħidu li titneħħa minn hemm, tiġi rilokata biex minflok ikollok għaxar tomniet ta’ spazju miftuħ.”
Il-Ministru Clyde Caruana tkellem fuq tliet proposti mħabbra din il-ġimgħa li jinċentivaw it-tkabbir ekonomiku.
L-ewwel waħda hija dik tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-profitti tal-kumpaniji, li se tħalli aktar flus fil-bwiet tal-kumpaniji biex ikunu jistgħu jinvestu.
It-tieni miżura li tinċentiva l-konsum u l-produzzjoni, hija dik tat-tnaqqis tal-income tax, li se jgawdi minnha kulħadd. Bħala medja, kull persuna se tieħu madwar tliet mitt ewro lura fis-sena.
Dawn iż-żewġ miżuri waħedhom ikomplu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku.
It-tielet miżura hija ż-żieda fil-pensjonijiet. Il-Ministru Caruana qal li l-pensjonanti qatt ma raw żidiet daqskemm raw fl-aħħar snin, u l-Partit Laburista qed jgħid li matul il-leġislatura li jmiss, se jkomplu jiżdiedu flimkien maż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Dawn iż-żewġ żidiet flimkien se jkunu aktar minn dak li ħadu l-anzjani fl-aħħar leġislatura.
Qal, “Jekk kemm il-darba l-mod ta’ kif namministraw l-ekonomija tagħna huwa ta’ suċċess għax l-ekonomija tagħna tkompli tikber b’madwar sitta fil-mija minn sena għall-oħra, imbagħad jekk dik trendi aktar flus lill-Gvern, il-Gvern bl-għaqal kollu fit-tmexxija tal-finanzi jkun jista’ jiżgura li iva, il-pensjonanti li d-dħul tagħhom jiddependi mill-Gvern, il-Gvern jagħmilha possibbli li sena wara l-oħra, ikompli jagħti aktar żidiet u żidiet li se jkomplu jiżdiedu.”