Tnediet il-kampanja taż-Żgħażagħ Laburisti għall-elezzjoni ġenerali bit-tema ‘TOGETHER WE ARE’.
Il-kampanja tnediet mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività fl-Isla.
Il-Prim Ministru qal li fil-leġislatura li jmiss jekk jingħata l-fiduċja, se tiskatta diskussjoni sabiex żgħażagħ ta’ sittax-il sena jkunu jistgħu jikkontestaw elezzjoni ġenerali.
“Il-kwistjoni tal-Vot 16. Kellna l-kuraġġ li nagħmluha, għamilniha għaliex nemmnu fiż-żgħażagħ, nemmnu fiż-żgħażagħ li huma l-mexxejja tal-lum. Kien pass kuraġġjuż imma definittavament id-deċiżjoni t-tajba imma xorta għadni minix komdu miegħi nnifsi illi żagħżugħ ta’ sittax, sbatax-il sena għandu d-dritt illi jivvota imma m’għandux dritt jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Għalija huwa loġiku, minn ewl id-dinja li jekk żagħżugħ jew żagħżugħa għandhom id-dritt tal-vot għandhom id-dritt ukoll li jikkontestaw elezzjoni ġenerali u mbagħad jiddeċiedi l-poplu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-intervent tiegħu fil-Kottonera, il-Prim Ministru Robert Abela semma l-proġett ta’ spazju miftuħ bejn Bormla u l-Isla flok l-iżvilupp propost għall-Università Amerikana ta’ Malta.
“Dak huwa l-mod kif nemmnu li aħna għandek taħdem, bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp ambjentali, u kif l-ambjent ma jfixkilx l-iżvilupp ekonomiku anzi huwa katalista tal-iżvilupp ekonomiku.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa qal ukoll li l-iskema ta’ għotja ta’ għaxart elef ewro lill-first time buyers se tiżdied mal-iskemi eżistenti relatati mal-first time buyers u mhux se tissostwixxi skemi oħra. Dwar il-proposta ta’ €700 miljun investiment fl-ambjent, il-Prim Ministru spjega li din tmur pass ’il quddiem minn investiment fl-ambjent, imma aktar minn hekk investiment fil-kwalità tal-ħajja.
Dr Abela tkellem dwar il-proġett ambjentali fil-Ħamrun, flok il-fabbrika tal-ħalib.
Huwa spjega li qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li titneħħa l-fabbrika tal-ħalib fil-Ħamrun instab sit alternattiv aħjar għall-istess fabbrika tal-ħalib filwaqt li l-Ħamruniżi se jgawdu minn spazju miftuħ fl-urban.
Intant il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja qal li t-tema ‘Together We Are’ intgħażlet għal fatt li ż-żgħażagħ irid ikollhom is-saħħa u l-enerġija biex jindirizza l-isfidi.
Ħeġġeġ sabiex żgħażagħ ta’ 16-il sena li se jivvutaw għall-ewwel darba jivvutaw lill-Partit Laburista.
Qal li l-għażla hi bejn Mexxej li jieħu d-deċiżjonijiet u Kap tal-Opożizzjoni li mmexxi flok imexxi.