F’Kunsill Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista approva programm elettorali mhux finalizzat.
Dan ammettieh Bernard Grech stess waqt li indirizza l-istess Kunsill Ġenerali li fih ġie approvat l-istess programm elettorali.
Bernard Grech stqarr li l-fuljett approvat ma fihx il-proposti finalizzati.
Qal, “Aħna ser nibqgħu nisimgħu matul din il-kampanja biex inkomplu, iva, intejbu dan il-programm elettorali u din il-viżjoni.”
Dan il-fatt kkonfermah saħansitra id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech li fassal il-programm, li saħansitra stqarr li għalissa mhux iż-żmien li jsiru l-costings.
Qal, “Issa nibdew nisimgħu bil-kelma il-costings, il-costings ħa jiġu, tibżax ħa jiġu u ħa jiġu bl-istess mod li aħna illum fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali qed noħorġu l-programm elettorali biex niddiskutuh, biex niddiskutuh ma’ kulħadd. Biex immorru għand il-korpi kostitwiti u l-korpi kostitwiti npoġġu magħhom u naraw magħhom il-propsti tagħhom biex inressqu l-proposti tagħhom jidħlu hawn ġew ukoll.”
Fid-diskors li għamel fil-Kunsill Ġenerali, Bernard Grech kompla juri kif għadu ankrat fil-passat.
Qal, “Kważi sittin sena ilu wettaqna din il-viżjoni. Kważi għoxrin sena ilu erġajna wettaqna l-akbar proġett.”
Fil-Kunsill Ġenerali għamlu diskors ukoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Robert Arrigo.
F’diskorshom ukoll komplew mal-Kap, b’Arrigo jgħid li mal-Partit Nazzjonalista l-passat huwa garanzija tal-futur.
Qal, “F’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista huwa l-passat huwa garanzija tal-futur.”
Din l-istess diska kompla jdoqqha l-President tal-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut li saħansitra stqarr li n-nies għandhom jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista minħabba dak li għamel fil-passat.
Qal, “U dan nistgħu nagħmluh u għandna l-kredenzjali biex nagħmluh għax għamilnieh fil-passat.”
Mark Anthony Sammut, li ġmielu jiddiletta jippriedka fil-protesti tal-għaqda Repubblika fil-Belt kellu diskors diviżiv għall-aħħar.
Filwaqt li pponta lejn in-naħa taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista huwa qal hekk.
Qal, “Dawn iċ-cheap labour t’hawn fuq.”
Intant fejn suppost beda jippreżenta proposti costed, il-Partit Nazzjonalista kompla jitlob il-flus mingħand in-nies.
Wara li fl-ewwel attività politika mindu tħabbret l-elezzjoni ġenerali, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino talab il-ħames mitt ewro minn kulħadd, issa Arrigo beda jitlob il-flus kontanti fuq l-idejn.
Qal, “Jekk tistgħu tagħmlu effort anki li tiġu titkellmu magħna nhar is-Sibt u jkollna l-flus in hand biex is-Sur Segretarju u l-grupp tal-flus tal-Partit jistgħu jħallsu anki l-kontijiet mal-ewwel nkun grat ukoll.”